Sa minn x’ħin rajt dan kalċ qatt ma daqqli! Jiġbdek wisq u tinduna li wara dak ir-raħħli hemm persuna makkaka! F’dan l-episodju komplew jinkixfu aktar borom fuq dan Kalċ. Tajjeb li tiftakar li Lukrezja (omm Bettina) kienet ġiet stuprata meta kienet żgħira u kien kellha tarbija. Din it-tarbija qatt ma ratha għax ħaduwielha. Mir-riċerka li għamlet sabet li Kalċ hu t-tifel tagħha li qatt ma setat tħobb! Imma din mhi xejn għajr logħba! Mhux vera li Kalċ hu t-tifel tas-sinjura!

Ritratt: L-Għarusa / Facebook 

L-episodju tal-bieraħ “Il-Giddieb għomru qasir” dar ħafna fuq Kalċ u kien wieħed mill-uniċi episodji fejn Bettina ma deritx! Kemm ġiet imsemmijja biss. L-episodju laqqana ma’ Fenech Lauri u s-supretendent.

 Ġejt hawn biex tara kif bqajt jew biex tistaqini fuq il-kas li sraqqtuli? – Fenech Lauri

Fenech Lauri daqshekk ser jkun qed jieħu ħsieb il-kas ta’ Bettina! Mhux ta’ bxejn qatt ma sabu xejn Liz u Alan meta fittxew! Ovvja mingħajr Fenech Lauri mhux ser jissolva dan il-kas! Għalkemm Fenech Lauri qed ibgħati minn saħħa mentali, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-ispettur huwa bravu imens! Kien hu li sar jaf bl-attentat ta’ qtil fuq l-għarus!

 

Ritratt: L-Għarusa / Facebook 

 Is-Supretendent uffiċjalment illiċenzjah mil-kas u mar javża lill-familja ta’ Bettina dwar dan. Staqsiehom ukoll fuq l-attentat ta’ qtil fuq Bert! Mir-reazzjoni ta’ wiċċhom ma tantx ħadu gost fuq dan. Kulħadd beda jiprova jevita id-diskussjoni.

Jekk rajtu l-episodju stajtu tindunaw il-ħarsa xejn konviċenti ta’ missier Bettina x’ħin sema’ li Fenech Lauri mhux ser jieħu ħsieb aktar il-kas. Qisu ħa r-ruħ! Forsi aħjar hekk għax ma jinqabadx minn qatel lil bintu? Jew forsi kien hu li qatilha?

“Intikom il-kelma ta’ raġel li dan l-episodju mhux ħa jxekkel l-informazzjoni” – Supretendent

 Il-kamra ta’ ħdejn din il-laqgħa kien hemm Kalċ jiekol mill-frott. Ħares biex jara hux jarah xi ħadd u seraq plattin tal-fidda! Sa mnalla s-seftura Liberat ratu jisraq. Imma Liberat kellha dubbju jekk tmurx tgħid lis-sinjura jew le. Wara kollox kulħadd jaf kemm għas-sinjura dal-imbierek kemm hu għal qalbha!

 Tajjeb li nistqarr magħkom li għalija Liberat hija l-karattru favorit tiegħi! Inkomplu … Ta’ mara sempliċi, Liberat mur tgħid lil sħabha s-sefturi u tistaqsihom jekk għandiex tikxef lil Kalċ jew le.

 

Ritratt: Reno Rapa / L-Għarusa / Facebook 

L-għawġ għal Kalċ jkompli jikber. Bernard u Agostino jitkellmu fuq l-inċident ta’ wara t-tieġ. Dakinhar Kalċidon kien mar ikellem lil Amelia, kien xurban u ta fastidiju. Kien hawn fejn Agostino (ħu l-għarus ta’ Amelia) xarrablu daqqa ta’ ponn! Agostino jħobbha ħafna lil Amelia u jixtieq li jiżżewiġha hu! Din il-ħaġa ta’ Kalċ xejn m’għoġbitu u stqarr kollox ma’ ħuħ. Ħuħ ta’ persuna beżżiegħa qallu biex ma jgħidu xejn lil ħadd … “ma jmurx iħassru l-għerusija!”. Bernard kemm tiflaħ tkun baħnan! Għandek iċ-ċans biex tintogħġob ftit.

Jiddeċiedu li jmorru jgħidu b’kollox lil Arturo. Imma Kalċ, ta’ imbroljun jhedded lil Amelia. Jgħidilha li ser jikxifiha li kienet qed tkellem bil-moħbi lil Bernard f’nofs ta’ lejl! 

“Ir-raġuni għala ridt nitlaq... għax ma stajtx ma nesprimix ruħi b’mod vjolenti” – Bernard 

Kien Bernard li qabeż għaliha! Kien Bernard li qal b’kollox lil Arturo! Kien Bernard li ħabbha! Imma għala ma għażluliex lilu?

Arturo ta’ bniedem rett jgħajjat lil Amelia u Kalċ biex jidħlu fil-laqgħa. B’Bernard miskin ikollu jirrakonta eżatt x’ġara! Din ix-xena xtaqt inkun dubbiena fiha! Kienet proprju l-Qorti. Fejn il-maġistrat kien Arturo, l-avukat ta’ Bernard ma kien ħadd waqt li kien hemm 2 avukati għal-Kalċ! Iva sfortunatament, Amelia tkellmet bl-aktar mod diplomatiku u ma qalitx jekk hux vera jew le li Kalċ intimidha. Ovvja beżżgħet!

 

Ritratt: L-Għarusa / Facebook 

Iżda Arturo ssuspetta xorta ħażin! Liberat laħqet iddeċidiet u qalet b’kollox lil Arturo! B’hekk Arturo marru jgħidulu żewġ min-nies fuq Kalċ, fl-istess ġurnata, kontrih! Arturo għajjat lil Lukrezia u lil Kalċ u staqsih jekk hux vera qed jisraq. Bis-serjeta?

“Int giddieb … S’issa ma konvinċejtni xejn” - Arturo

 Kliem li weġġgħu lil Lukrezia! Arturo saħansitra tefa’ l-barra lil Kalċ! Imma din qabżet għalih u qaltlu … “Miniex ser nerġa nitlef wild ieħor … Qatt aktar!”

 Hawnhekk naraw l-imħabba tal-omm li ħabbet bla kundizzjoni lil Kalċ. Imma Lukrezja qiegħda f’dinja għaliha u temmen biss dak li taħseb li l-aħjar.

 

Ritratt: L-Għarusa / Facebook 

Tgħid Kalċ ser jinqabad?

L-Għarusa / Facebook 


Anthony Baldacchino