Fi Spanja l-użu ta’ maskra barra mhux se jkun obbligatorju mis-26 ta' Ġunju minħabba s-sitwazzjoni COVID-19 li qed titjieb. Dan ġie kkonfermat minn avviż li għamel il-Prim Ministru Pedro Sanchez illum.
"Dan il-weekend se jkun l-aħħar wieħed bil-maskri barra għax mis-26 ta’ Ġunju m'aħniex se nibqgħu nilbsu maskri fi spazji pubbliċi,” qal Sanchez waqt żjara f'Barċellona.
L-obbligu li tilbes maskra fil-beraħ fil-pubbliku daħal fis-seħħ f'Mejju tal-2020 u japplika għal kulħadd 'il fuq minn 6 snin. It-tneħħija tar-restrizzjoni għandha tiġi adottata formalment f'laqgħa straordinarja tal-kabinett nhar il-Ħamis li ġej.
Spanja segwiet lil Franza, li wkoll neħħiet ir-rekwiżit tagħha ta’ lbies ta' maskra barra aktar kmieni din il-ġimgħa.