Matul din il-ġimgħa l-BBC ikkonfermat pjanijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fis-66 Eurovision Song Contest li se jsir f’Turin, l-Italja f’Mejju 2022. BBC Studios se jerġa’ jipproduċi t-trasmissjoni tal-akbar u l-aktar kompetizzjoni mużikali segwiti fid-dinja.

Għall-Eurovision tal-2022 il-BBC u l-BBC Studios se jkunu qed jikkollaboraw ma’ TaP Music, il-kumpanija globali tal-pubblikazzjoni wara uħud mill-aktar artisti ta' stil pop ta’ suċċess fid-dinja, bħal Dua Lipa, Lana del Rey u Ellie Goulding, sabiex jagħżlu kanzunetta u att li se jirrapreżentaw lir-Renju Unit fl-akbar u l-aktar konkors mużikali segwit.

"Fir-Renju Unit l-imħabba tagħna għall-Eurovision hija kbira aktar minn qatt qabel u għandna ambizzjonijiet grandjużi għall-Konkors 2022; għaldaqstant aħna tassew ninsabu eċitati nħabbru din il-kollaborazzjoni li tgħinna niskopru xi talent mużikali kbir." qalet Kate Phillips, Kontrollur tal-Kummissjonar tad-Divertiment għall-BBC

“BBC Studios huma kburin li għal darb’oħra qed jipproduċu t-trasmissjoni tal-akbar kompetizzjoni mużikali fid-dinja. Aħna eċitati li qed nikkollaboraw ma' TaP Music. Il-kompetenza tagħhom fl-immaniġġjar tal-artisti ta’ livell għoli u fit-tfittxija ta' diski ta’ suċċessi internazzjonali kbar titkellem waħedha u nistennew bil-ħerqa li naħdmu magħhom fuq l-att u l-kanzunetta tar-Renju Unit għall-konkors tal-2022. " żiedet Suzy Lamb, Direttur Maniġerjali għal BBC Studios

 Ix-xandira tal-finali tal-Eurovision Song Contest fuq BBC One tkompli tkun waħda mill-aktar programmi ta’ Divertiment popolari fuq il-BBC, bl-aktar xandira riċenti tilħaq udjenza medja ta’ 7.8 miljun (BBC 30 Day All Screens) fir-Renju Unit. Is-66 edizzjoni tal-Eurovision se jsir f’Mejju 2022, bil-finali kkonfermata għas-Sibt 14 ta' Mejju 2022. Aktar dettalji jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Tgħid ħa naraw xi stil familjari fil-Eurovision mingħand ir-Renju Unit?


Kyle Zarb