Kupimbira hija l-kelma li fil-Malawi, fid-distrett ta’ Karonga u Chitipa, jagħtu għal żwiġijiet sfurzati (forced marriages). Skont din it-tradizzjoni, ġenituri fqar jibdlu lit-tifla tagħhom, anke jekk ta’ età żgħira ħafna, ma’ somma ta’ flus jew numru ta’ baqar. Il-persuna jew ir-raġel li miegħu isir dan il-kambju, ikollu pussess assolut fuq it-tifla u normalment jiżżewwiġha meta jkun irid hu.
Din it-tradizzjoni tippermetti wkoll li bniedem tal-flus li jitfa’ għajnejh fuq tifla, jiftiehem mal-ġenituri tagħha li jieħu ħsiebha fil-bżonnijiet tagħha, anke jħallas għall-miżati tal-iskola; u din trid jew ma tridx, ikollha ssir martu. Dan ir-raġel għandu dritt li jiżżewweġ lit-tifla meta jrid, anke qabel tilħaq il-maturità fiżika tagħha. Il-ġenituri ma jistgħu qatt jieħdu t-tifla lura, għax ir-raġel ikun ħallas id-dota għaliha.

Qed insemmi din it-tradizzjoni inumana li għadha tiġi prattikata f’xi reġjuni fl-Afrika, għaliex huma diversi l-isqfijiet li jagħmlulna talba biex ngħinuhom b’xi fondi ħalli jkun jistgħu jħallsu għall-miżati ta’ tfal bniet fid-djoċesijiet tagħhom u b’hekk jevita li dawn it-tfal ikunu mibjugħa mill-ġenituri tagħhom. Il-pre-okkupazzjoni tal-isqfijiet u s-saċerdoti tagħhom tkompli tikber għax anke ġenituri Nsara fqar qed ikomplu din it-tradizzjoni inġusta mat-tfal tagħhom.
F’din il-parti tal-Malawi, l-iskola primarja fl-iskejjel tal-gvern hija b’xejn, imma l-istudenti jridu jħallsu biex jattendu fl-iskejjel sekondarji governattivi. U anke f’żona tal-fqar tintalab miżata ta’ €300 kull sena għall-edukazzjoni fi skola sekondarja. Ħafna tfal, iktar u iktar bniet, jispiċċaw jieqfu mal-iskola primarja. Oħrajn jispiċċaw mibjugħa biex ikunu jistgħu jkomplu l-iskola. Min jista’ jgħinhom ikun qed jagħti tama u futur lil dawn it-tfal. Għalhekk, jekk tixtiequ tisponsorjaw lil dawn it-tfal tkunu qed tgħinuhom sabiex jeħilsuhom mill-iskjavitu u miż-żwieġ bilfors.
Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin tfal f’sitwazzjonijiet simili jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Dan billi jinbnewlhom l-iskejjel, jinxtrawlhom il-kotba u materjal ieħor tal-iskola, filwaqt li joffrilhom saqaf fuq rashom, ikel, ilma nadif, ħwejjeġ u edukazzjoni. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.