Din il-ġimgħa Gwida.mt tkellmet ma’ personalità li lkoll ġieli rajnieha fuq it-telviżjoni tagħna! Din mhi ħadd ħlief Jessika, li hija mhux biss kantanta brava imma ħadet sehem ukoll f’xi teleserje lokali, bħala attriċi. Minn din l-intervista sirna nafu diversi kurżitajiet dwarha, fosthom fuq il-karriera mużikali tagħha, fuq xogħolha bħala għalliema u anke fuqha bħala attriċi!
Inti llum għalliema tal-Ispanjol. Kif nibtet l-imħabba għal din il-lingwa mill-isbaħ?
Ironikament nibtet minn kantanta oħra li dak iż-żmien kienet popolari ħafna! Din mhi ħadd ħlief Shakira, li mhix ta’ nazzjonalità Spanjola, imma Kolombjana. Bis-saħħa tagħha skoprejt din il-lingwa sabiħa, kemm għall-widna, kif wkoll għax vasta ħafna u tiftaħlek ħafna bibien, peress li hija t-tieni lingwa l-aktar mitkellma fid-dinja. Tmur fejn tmur, kapaċi tikkomunika biha!
Meta ħassejtek l-aktar kburija bl-istudenti tiegħek?
Is-sabiħ tal-karriera ta’ għalliem huwa li darba f’ġimgħa, jekk mhux kuljum, ikun hemm student li b’xi mod jew ieħor jagħmlek kburi għax bla ma trid jew meta l-inqas li tkun qed tistennieha, juru li tagħllmu xi ħaġa, li forsi għal xi wħud tkun faċli u għal oħrajn tkun verament diffiċli.
L-isbaħ mument ikun meta tara dik it-tbissima daqsxejn mistħija, meta tgħidilhom bl-ikbar sinċerità kemm int kburija bihom. Kultant lanqas jemmnuk għax ma tantx jisimgħuha minn fomm in-nies ta’ madwarhom.
Madankollu wieħed mill-isbaħ mumenti akkademiċi kien meta student partikolari rnexxielu jagħti l-eżami tal-O’level f’sena u ftit xhur biss u ġab marka tajba ħafna! Din is-sena wkoll hemm ċans kbir li tfajla oħra tikser dak ir-rekord f’inqas minn sena! Dan kollu jiġri għax huma jagħmlu ħilithom u verament iħobbu is-suġġett u jisimgħu milli ngħidilhom.
Fl-2018 irrappreżentajt lil San Marino fil-Eurovision. Kif tiddeskrivi din l-esperjenza?
Dik naħseb se tibqa’ waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti għax irnexxieli nitla’ fuq wieħed mill-akbar palkijiet u apparti minn hekk, hu vetrina Ewropeja għall-kant. Ovvjament ma kontx qed nirrappreżenta lil pajjiżi, però kont nagħmel ċert li f’kull intervista li kienet issirli isem Malta inpoġġih fuq quddiem.
L-isbaħ mument kien meta n-nies tad-dar ikunu qed jaraw il-famuża postcard u aħna nkunu qed insibu postna fuq il-palk. L-ammont ta’ ċapcip u għajjat li tisma’ dak il-ħin żġur tibqa’ żżommu miegħek tul ħajtek kollha!
Mument ieħor li ma ninsieh qatt huwa xħin jasal ir-ritornell tal-kanzunetta u tisma’ sala enormi tkanta l-kliem miegħek. Tieħu gost iżjed għax tkun taf li l-kliem tal-kanzunetta nibtu minn esperjenzi li għaddejt minnhom u qisek f’dak il-mument tħoss li ħaddieħor irnexxielu jidentifika ruħu mal-istess kliem li int tkun tajt l-ideat lill-awturi tal-istess kanzunetta.
Ovvjament hija esperjenza li tirrikjedi ħafna xogħol u imma hi esperjenza li tgħallmek ħafna. Nixtieq li kieku jerġa’ jkolli ċ-ċans nerġa’ nagħmila, imma din id-darba għal pajjiżi!
Is-sena l-oħra ħriġt kanzunetta b’titlu Spanjol, ‘No la Conoces’. Xi tfisser għalik din il-kanzunetta?
Din il-kanzunetta hija ferm għal qalbi anke minħabba li kelli ħafna mill-kitba tal-lirika f’idejja. Tittratta fuq l-idea li n-nies hemm barra jkollhom perċezzjoni ta’ persuna, iżda finalment ma jkunux jafuha jew jafu minn liema esperjenzi kellha tgħaddi.
Naturalment bħal kwalunkwe individwu fil-ħajja, ikollok mumenti sbieħ u oħrajn mhux daqshekk sbieħ, però r-rota trid tibqa’ ddur. Dejjem trid iżżomm ruħek pożittiv, titgħallem tħares madwarek u tinduna li kulħadd qed jaqdef għax kulħadd għandu l-bagalja tiegħu xi jġorr. B’hekk sirt nevita li nikkritika jew ngħaddi kummenti għax finalment ‘no la conoces’, jew għall-maskil ‘no lo conoces’. Jigifieri ma tafx lil dak li jkun, avolja tarah fuq it-televixin jew tarah fit-triq dejjem bit-tbissima. Ħudu ħsieb lil xulxin!
Fl-2012 bdejt tinterpreta l-parti ta’ Audrey f’‘Il-Klikka’. Minħabba li Audrey wkoll kienet kantanta, kont tirrelata magħha?
Nitbissem meta niftakar fil-karattru ta’ Audrey għax tabilħaqq meta bdejt ninterpretah, hekk kont ngħid li vera narah simili għall-karattru tiegħi. Naħseb l-unika differenza kienet li Audrey kienet daqsxejn iktar mistħija.
Rajnik ukoll tinterpreta l-parti ta’ Emma, f’‘Ħbieb u Għedewwa’. Xi jfisser ir-reċtar għalik?
Iktar ma jkollok esperjenzi tal-ħajja, naħseb li aktar tkun kapaċi tagħmel partijiet. Personalment meta bdejt nirreċta kont ngħid li jiena aktar kantanta u li r-reċtar kont inqisu biss bħala passatemp.
Però jekk toqgħod taħseb ftit, il-kant u r-reċtar jaħdmu id f’id għax meta qed tkanta, trid tkun kapaci tgħaddi l-emozzjonijiet bil-kant u bl-espressjonijiet ta’ wiċċek u ġismek, mentri fir-reċtar trid tagħmel l-istess imma bil-kliem u l-espressjonijiet. Nista’ ngħid li mhuwiex xogħol faċli għax jieħu ħafna ħin, imma huwa sabiħ. Apparti hemm, tieħu gost tiltaqa’ man-nies fit-triq li jwaqqfuk għax jidentifikaw ruħhom miegħek.
Għandek xi pjanijiet għar-reċtar fil-futur?
Għalissa m’hemmx pjanijiet, imma jekk tiġi opportunità ma naħsibx li ngħidilha le!
X’inhuma l-pjanijiet tiegħek għall-futur bħala kantanta?
Għadni kif ktibt żewġ kanzunetti oħra u li minn hawn u ftit ieħor kapaċi tisimgħuhom fuq l-istazzjonijiet tar-radju. Avolja ma nkunx qiegħda nidher ’l hemm u ’l hawn, nista’ ngħidilkom li xorta nkun qed naħdem fuq l-imħabba li għandi għall-kant.
Ma naħsibx li tgħaddi ġurnata li ma nkantax jew li ma nismax mużika jew li nħarbex xi idea għall-futur. Nispera li x-xogħol tiegħi jibqa’ jogħġob lin-nies u l-poplu jibqa’ jissapportja dak li hu Malti.