“Tidher kważi impossibbli sakemm issir; xi drabi l-bidla tista’ tibda anke minn dak li hu debboli u fraġli”. Dan il-kliem qalu Nelson Mandela, missier l-Afrika t’Isfel ħielsa u jistgħu jifhmuh aktar dawk in-nies li huma materjalment foqra.

 

F’żona rurali viċin il-belt ta’ Nyahururu fil-Kenja, ġo waħda mid-djar magħmulin mit-tajn u b’saqaf tal-plastik, jgħix Joffrey, tifel ta’ kważi tliet snin. Imwieled bil-kundizzjoni tal-ispina bifida (is-sinsla tad-dahar ma tkunx żviluppat sew), Joffrey ma jiċċaqlaqx u lanqas kapaċi jwaqqaf rasu. Kull komunikazzjoni jagħmilha permezz ta’ bikja jew tbissima. Jgħaddi ġranet sħaħ mimdud fuq is-sufan jew inkella fil-kantuniera tiegħu u jżomm wieqaf permezz ta’ gvieret li ommu tkun irranġatlu apposta.

 

Kien hawn li xi nies ġiethom l-idea li joħolqu siġġu magħmul mill-kartun li jgħin tfal diżabbli u l-familjari tagħhom jgħixu ħajja aktar komda. Dan is-siġġu mhux biss bidel il-ħajja ta’ Joffrey, iżda bidel il-ħajja t’ommu li tieħu ħsiebu b’tant għożża. Illum Joffrey jista’ joqgħod fil-bitħa waqt li ommu tkun qiegħda taħsel u tonxor il-ħwejjeġ jew tagħmel faċendi oħra. Tfal oħra, anke b’kurżità lejn dan is-siġġu tal-kartun miżbugħ b’kuluri vivaċi, imorru jilagħbu ma’ Joffrey. Bis-saħħa t’hekk, Joffrey għamel rebħa fuq is-soċjetà li għalkemm rebħa żgħira, hija sinifikanti ħafna, speċjament meta tifel b’diżabilità huwa meqjus bħala diżgrazzja li trid tinħeba.

 

Minbarra li qiegħed isir ġid lil tfal diżabbli, qiegħed ukoll isir ġid ambjentali għaliex jintuża kartun użat u b’hekk qiegħed isir anke reċiklaġġ tal-istess kartun. Barra siġġijiet, isiru wkoll speċi ta’ krozzi li l-uniku skop tagħhom hu li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ persuni li m’għandhomx aċċess għall-mezzi aktar moderni kif nafu aħna. Kumpanija tar-reklamar għenet biex dan il-prodott jiġi rreklamat u anke saret ‘cd’ biex jiġi imfisser kif jintrama’ dan is-siġġu u jiġi miżbugħ kif wieħed jixtieq u għall-gosti tiegħu. Din l-idea tant intlaqgħet tajjeb li s-siġġijiet kollha li nħaddmu fl-istess sena ġew utilizzati kollha. Dan seta’ jsir ukoll grazzi għall-kumpaniji li ħallsu għall-ispejjeż ta’ vjaġġar lejn pajjiżi mill-aktar foqra. Nirringrazzjaw lil Alla l-imbierek li jagħti d-dehen lil nies bħal dawn, li joħolqu affarijiet li jtejbu l-għajxien ta’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

 

Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin persuni f’sitwazzjonijiet simili jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.


Gwida.mt