Fid-dar ta' Big Brother Malta, il-parteċipanti dalgħodu ngħataw sfida eċċitanti iżda li ma tantx ħadu gost biha. Dan għaliex permezz tal-programm Magic Morning Drive, tħabbar li għandhom biss tliet sigħat biex itemmu l-affarijiet kollha relatati mal-Karnival, inkluż il-kostruzzjoni tal-karru u l-ħolqien tal-kostumi tagħhom.

Din l-isfida mhux biss ħa tkun ta' test għal-ħiliet kreattivi tal-parteċipanti, iżda wkoll il-kapaċità tagħhom li jaħdmu flimkien taħt pressjoni kbira ta' ħin. Il-Karnival huwa avveniment kulturali importanti f'Malta, u għalhekk, din l-isfida ġġib magħha aspett speċjali għall-parteċipanti u għat-telespettaturi. Huma ilhom ġimgħa jaħdmu fuqha u kellhom l-għan li jispiċċaw kollox sal-lejla minkejja li kollox seta' jkun lest sal-Ħadd.

Ritratt: https://tvmi.mt/bigbrother

Iżda kien hemm diversi telespettaturi li bdew igergru li minħabba l-attivitajiet relatati mal-karnival, ma kien qed jiġri xejn interessanti fid-dar. Oħrajn qalu, li preferew jaraw lill-parteċipanti jaħdmu milli jintelqu fuq is-sufan mingħajr ma jafu x'ħa jagħmlu.

Big Brother Malta jixxandar kuljum fis-20:45 fuq TVM u TVM+, fejn l-udjenzi jistgħu jsegwu l-iżviluppi kollha fid-dar u jaraw kif il-parteċipanti jiffaċċjaw din l-isfida tal-Karnival. Wieħed jista' wkoll isegwi l-attività kollha fuq l-istazzjon ta' GO 247 jew inkella live fuq TVMi.


Emil Calleja Bayliss