Bejn il-Ħamis 16 u l-Ħadd id-19-il sewwieq żagħżugħ tal-karting Kian Gauci ħa sehem fit-tieni round tal-FIA Karting Academy Trophy fi Cremona, l-Italja. Gauci ffaċċja erbat ijiem ta’ taħriġ kontinwu u tlielaq f’kundizzjonijiet ta’ temp sħun, li pprovdew trakka perfetta.

It-titjib ta’ Gauci wara l-ewwel rawnd ix-xahar li għadda f’Genk kien wieħed notevoli ħafna; jidher li Gauci, bħall-biċċa l-kbira tal-atleti, qed jagħmel dak li hu mistenni minnu wkoll barra mit-trakka peress li rnexxielu jitlef ftit piż u deher ippreparat tajjeb, anke mentalment.

Gauci mar tajjeb fit-tiġrijiet kollha, fit-taħriġ u l-kompetizzjoni, bil-qofol ikun il-kwalifika tiegħu ma l-ewwel 36 sewwieq li kisbu post fil-finali. Fil-finali, Gauci spiċċa fil-pożizzjoni 32. Wara din l-avventura, Kian Gauci rringrazzja lil Lucas Pace, Michael Pace, BRM Team Manager Gianluca Dingli u Paolo Zani.

Gauci issa qed iħejji biex bejn is-7 u l-10 ta’ Lulju jmur għat-tielet rawnd ġewwa Franciacorta fl-Italja.


Kyle Zarb