Li tgħix f'ambjent ta' familja, għal ħafna hi xi ħaġa komuni imma għal oħrajn din taf tkun esperjenza li ma tkunx possibli sakemm ma jsibux familja li tkun lesta tilqagħhom ġewwa darha permezz tas-sistema tal-fostering. M'hawn xejn isbaħ minn ġest bħal dan.

Is-sistema taf tħalli ħafna u ħafna ġid, mhux biss għat-tfal imma anke għall-ġenituri li jaċċettaw li jidħlu għal din il-missjoni. Dan il-ġest ta' imħabba, grazzi għal numru ta' professjonisti faċilment ibiddel il-ħajja ta' persuna.

Aħna kellna ċ-ċans sabiħ li nitkellmu ma' tfalja li għaddiet mill-fostering u ħadna ċ-ċans nistaqsuha ftit mistoqsijiet dwar din l-esperjenza. Kif tistgħu taraw mit-tweġibiet, l-esperjenza hi waħda pożittiva u tħalli l-frott!

Ritratt: Instagram / andri_met

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek grazzi għall-fostering?

Il-fostering hija esperjenza sabiħa għaż-żewġ naħat, jiġifieri kemm għat-tifel jew tifla u kemm għal dawk li ser isiru omm jew missier li ġieli tkun għall-ewwel darba tagħhom. L-esperjenza tiegħi naraha bħal ta’ kull familja oħra fejn tul dan il-proċess kien hemm kemm mumenti sbieħ u oħrajn inqas sbieħ.

X’differenza rajt minn qabel il fostering?

Jiena kont ngħix f’dar residenzjali għal tfal ta’ età żgħira ħafna. Għadni niftakar ftit kif kien il-post u għad għandi wkoll xi memorji żgħar ta’ meta kont ngħix hemm. Però minħabba li kont għadni żgħira ma niftakarx wisq affarijiet.

Jien ġejt fostered ta’ sentejn u nofs. Għall-ewwel il-foster carers tiegħi kienu jiltaqgħu miegħi għal ftit ħin imbagħad il-ħin baqa’ jiżdied sakemm bdejt ngħix magħhom għal kollox.

Ritratt: Instagram / karolinaslife

X’vantaġġi rajt fuq livell personali meta ġejt fostered? Kif affetwatek emozzjonalment u għaliex temmen li l-fostering kellu impatt pożittiv fi tfulitek?

Minħabba li ġejt fostered ta’ età żgħira dejjem ħassejtni li kbirt f’ambejnt ta’ familja li tħobbni u tgħini nikber f’ambjent familjari bħal ta’ sħabi. Vantaġġ ieħor kien li sirt naf membri oħra tal-familja bħal nanniet, zijiet u anke kuġini, li llum il-ġurnata nqisu lil xulxin bħala familja.

Ħaġa oħra importanti kienet li kienu jwassluni kull fejn kelli bżonn bħal tfal oħra, speċjalment meta bdew jindunaw bit-talent tiegħi u saħansitra ħaduni fejn nista’ niżviluppah, u dan kollu għeni aktar biex nemmen fija nnifsi.

Ħaġa importanti ħafna kienet ukoll li dejjem kelli lil min insejjaħ ‘ma‘ u ‘pa‘. Il-fostering għeni wkoll nibni relazzjonijiet sodi ma’ nies oħra li meta kont ngħix f’dar residenzjali qatt ma kelli. Kien ukoll pilastru li nibni attachment sod fejn stajt nagħraf min huma l-persuni li veru jieħdu ħsiebi.

Eżempju ta’ dan kien li kull min kien isejjaħli biex immur ħdejhom jew inkella x’imkien magħhom, ma kontx naħsibha darbtejn u kont immur minnufih. Dan għaliex kull min ġie għalija bla ma ridt kont naħseb li din kienet se tkun il-familja tiegħi, u minħabba li kienu jiġu għalija ħafna nies differenti, kont inqis lil kulħadd l-istess bla ma nagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Meta ġejt fostered irrealizzajt li dawn kienu ser ikunu n-nies li jieħdu ħsiebi, u rajt id-differenza għax kien hemm sens ta’ stabbiltà u sigurtà. Wara ftit xhur l-attachment tiegħi sar iktar sod u ma bqajtx immur ma kull min jagħtini l-attenzjoni u jgħidli ‘Ejja miegħi’.

Il-fatt li jien ġejt fostered u għandi wkoll ħuti li huma fostered f’familji differenti, kellna l-opportunità li nagħmlu kuntatt bejnietna u jkollna sessjonijiet fejn niltaqgħu biex insiru nafu lil xulxin b’mod informali bl-għajnuna tal-foster carers.

Ritratt: Instagram / xilvia.r

X’kontribut taħseb li kellhom il-foster carers biex sirt il-persuna li inti llum?

Il-vantaġġ li nara fil-fostering hu li kelli l-opportunità li ngħix ġo familja li pprovditli stabilità, attenzjoni, u imħabba individwali, u bl-appoġġ li kelli għeni naċċetta lili nnfisi u lil ta’ madwari.

X’messaġġ tgħaddi għal dawk li forsi qed jaħsbuha jagħmlux fostering jew le u jekk jieħdu nteress x’messaġġ tgħaddilhom biex tikkonvinċihom li l-għazżla li se jagħmlu tkun ideali?

Il-fostering hija opportunità kbira għal dawk li m’għandhomx ix-xorti li jsibu familja fejn jistgħu jkabbru l-valuri tagħhom, kif ukoll jgħixu ħajja bl-għajnuna u l-imħabba li għandhom bżonn. Għalhekk inħeġġeġ lil dawk li forsi għadhom qed jaħsbuha biex ma jitilfux dan iċ-ċans u qatt ma jaqtgħu qalbhom għax wara kollox ħadd mhu perfett.

L-ebda familja mhi perfetta u li kieku jerġa’ jiġini ċ-ċans, nerġa’ nagħżel li nkun fostered għax billi tkun fostered ma jfissirx li se jkollok ħajja aktar faċli jew diffiċli, iżda tfisser biss li ser ikollok familja li tieħu ħsiebek daqs li kieku kont binthom jew binhom. Irrelevanti jekk humiex il-ġenituri vera tiegħek għax meta taf li għandek lil min iħobbok u lest li jtik id-dinja, għandek kollox.

L-aħħar messaġġ tiegħi hu li persuna m’hemmx bżonn tkun ‘blood related’ biex tqis ruħha parti mill-familja, għax l-eżempju waħdieni li jseħħ fil-fostering huwa, li bosta familji jiftħu qalbhom u darhom biex jagħtu esperjenza ta’ familja lil tfal fil-bżonn. Jien li kelli dan iċ-ċans nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil foster carers tiegħi li tawni din l-opportunità li jkolli familja u li qatt ma ħallewni nieqsa minn xejn.

Ritratt: Facebook / tuana1009.photography

F'isem Gwida.mt nawguraw lil din it-tfajla kull suċċess f'ħajjitha u forsi permezz ta' din l-esperjenza ħafna nies oħra jinteressaw ruħhom isiru wkoll ġenituri permzz tal-fostering. 

Min hu interessat għal aktar informazzjoni jista' jċempel fuq: 22959000 | 99010533 | 99557704 jew inkella jsib il-paġna ta' Facebook: Fostering Service Malta

Instagram / elajos888


Emil Calleja Bayliss