Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, Ftit Minn Kollox qasmu mas-segwaċi tagħhom kelmtejn dwar weġgħa li persważ li ħassew bosta min-nies. Din hi l-mewt ta’ xi annimal domestiku li aktar minn annimal ikun sar ħabib.
Huma qalu, “Sentejn ilu tlift lil Nina, l-ikbar ħabiba li kelli, u għadni nħoss it-telfa tagħha sal-lum. Kienet hemm meta d-dar kienet vojta, meta ma kellix heater, u jien u hi konna nintefgħu quddiem it-TV mgħottijin b'kutra ħoxna minħabba l-kesħa. Kienet hemm meta għaddejt żmien ma ridtx inqum mis-sodda ghax kont dipressa u waħdi, u hi kienet taqbeż fuqi sakemm inqum u noħorġu passiġġata għal ftit arja friska.”
Żiedu jgħidu, “Kienet hemm tismagħni nibki bilqiegħda mal-art, b’wiċċi bejn irkopptejja, kienet tiġi minn wara u tagħtini b'idejha fuq dahri biex inħossni aħjar, u mbagħad tilgħaqli wiċċi biex tneħħili d-dmugħ. Kienet hemm kull meta kont marida, kienet tibqa' ħdejja mingħajr qatt ma tiċċaqlaq għal sigħat twal, lanqas tilgħab, tieħu ħsiebi billi tistrieħ fuq saqajja. Kienet Nina tiegħi, u ma kinitx "sempliċiment kelba" kif jgħidu ħafna nies.”