Love Island Malta ġibed attenzjoni sinifikanti qalb is-segwaċi fl-ewwel ftit ġimgħat tiegħu, b'numri kbar ta' nies li jsegwu minn pjattaformi differenti.

Fl-ewwel ġimgħa, il-programm rawh medja ta' 130,000 spettatur. Fit-tieni ġimgħa mbagħad, dan l-ammont niżel għal 110,000 telespettatur, sakemm reġa' żdied fit-tielet ġimgħa, li fiha segwew 116,500 persuna.

L-ewwel xandira, dik tal-Ħadd 14 ta' Mejju, kienet l-iżjed segwita, u l-Ħadd huwa l-iktar jum popolari mill-ġranet kollha li fihom jixxandar il-programm. Is-Sibtijiet filgħaxija mbagħad, meta l-programm ikun jinkludi sempliċiment xeni li ma dehrux, huma l-inqas popolari. Ix-xandiriet ta' matul il-ġimgħa fl-22:00 donnhom għamlu suċċess, b'medja ta' 97,000 telespettatur.

Is-servizz online tat-TVM, li fuqu wieħed jista' jara l-programm b'xandira diretta jew b'lura, ikkontribwixxa ħafna għal dan is-suċċess. Saru 835,000 talba mill-utenti biex jaraw ix-xandira diretta online u 1,050,000 talba biex jaraw ix-xandira b'lura online.

Facebook / Love Island Malta


Bradley Cachia