Il-mużiċist minn Red Elektrik, Aleandro Spiteri Monsigneur, qasam fuq il-profil tiegħu esperjenza li setgħet spiċċat fi traġedja aktar riċentament. Aleandro jgħid li mar fuq sajda flimkien ma' ħabib tiegħu, u din kienet l-ewwel darba għalih. 

Waqt li kienu bdew jistadu għall-affari tagħhom, avviċinahom bastiment li qalilhom biex iwarrbu ftit minn dik iż-żona minħabba xi xogħol li kellu jsir. Hu u sħabu warrbu kif ġew mitluba jagħmlu, u mxew daqs 30 metru bogħod lejn żona fejn kien hemm dgħajjes oħra ta' sajjieda oħra jistadu. Wara ftit tal-ħin jidher li beda riesaq lejhom bastiment ieħor, u l-mużiċist jgħid li hu u sieħbu bdew jaħsbu li ser jirċievu xi tip ta' sinjal bħal ma kellhom aktar kmieni, biex jintalbu jwarrbu. Dan kienu jagħmluh bla problemi.

Jidher li min kien qed isuq il-bastiment baqa' sejjer dirett għal fuqhom, bil-kawża li ħadu daqqa kbira bl-affarijiet personali tagħhom inklużi mowbajls u kartieri spiċċaw ġol-ilma. Wara li spiċċaw anke huma ġol-baħar, mhux talli s-sewwieq ma talabx skuża, talli qalilhom, "Tort tagħkom... terġgħux tiġu hawn!" Fortunatament Aleandro u sieħbu ma weġġgħux serjament, u ġew mgħejuna minn kru ta' bastiment ieħor li rahom f'dik il-qagħda. 

Il-mużiċist jgħid li kien hemm xi regola li ħadd ma seta' jistad f'dik iż-żona tal-fish farms, iżda din kienet regola li ħafna mis-sajjieda ma kienux mgħarrfa biha. Madanakollu, kif qal Aleandro, xejn ma jagħti d-dritt lill-ebda sewwieq jitratta lin-nies b'dak il-mod salvaġġ!

L-appell ta' Aleandro kien li mhux kull min ikun fuq il-baħar tagħna huwa ta' min jafdawh. Il-periklu ħafna drabi jġibuh dawk in-nies ta' madwarna, u jeħtieġ li jkun hawn aktar għarfien dwarhom, biex każ bħal dan ma jirrepetix ruħu, qabel ikun tard wisq.


Gwida.mt