Minn Ottubru li għadda, l-preżentatur Ron Briffa rajnieh jippreżenta l-programm, “Ron De Vu” u “Ron De Vu Shorts”.
Biss din il-ġimgħa, l-aħħar wieħed mhux jixxandar minħabba l-logħob tal-World Cup. Biss Ron jinsab imħabbat għall-attività kbira li ser issir ġewwa Għawdex.
“Iddeċidejt li mmur jien għand il-poplu u ħa nagħmlu xow grandjuż” qalilna Ron. Ron ħa l-opportunità li jtella’ produzzjoni s-Sibt li ġej ġewwa l-Oratorju Don Bosco ġewwa r-Rabat Għawdex.
Għalhekk jekk int Għawdxi, jew Malti li spiċċa Għawdex għax waqaf il-vapur, jew Malti li għandek aptit tidħaq daħka tajba… tista’ tibbukja fuq https://theatre.donboscogozo.org/#frmBooking u serraħ rasek li ser tieħu pjaċir żgur!
Ser ikollu mistednin speċjali u nistgħu nikkonfermaw li waħda mill-mistednin hija Morena!
“Mejjet biex niltaqa’ magħha wara das-snin kollha li ilna ma niltaqgħu. Minjaf għadhiex tħobbu l-vodka. Nistaqsieha ta!” jgħidilna Ron.
Apparti minn hekk ma jonqsux iċ-ċajt, daħk, mużika mal-ElectRONS u l-famuża Makjetta!
Għalhekk tinsiex, għal daħka tajba u sorpriżi, nhar is-Sibt għażel li tmur l-Oratorju! Fit-20:00 jibda (sakemm ma jkunx tard Ron!)