Roger Federer mill-Isvizzera huwa champion tal-isport tat-tennis, kellu l-aħħar logħba kompetittiva tiegħu lbieraħ f’Londra ġewwa l-02 Arena.

Rafael Nadal wkoll jilgħab dan l-isport, u t-tnejn kellhom rivalità għal min hu l-aqwa plejer tat-tennis, iżda barra minn hekk dawn kienu wkoll ħbieb li kienu jaqsmu delizzju. Rafael Nadal qal li għalih “dan kien unur kbir li kont preżenti f’dan il-mument fl-istorja tal-isport tagħna, u fl-istess hin aħna għamilna ħafna snin flimkien fejn qsamna ħafna affarijiet.”

Ritratti tat-tnejn jibku u jżommu idejn xulxin hekk kif Federer ilesti biex jibda fażi ġdida minn ħajtu ċċirkondaw mal-internet, u bosta akkaniti tal-isport qasmu l-istess sentimenti hekk kif is-serata waslet fit-tmiem tagħha u Federer sellem lil kulħadd u qal ir-ringrazzjamenti tiegħu.

Dr Nicholas Briffa kkummenta fuq dawn ir-ritratti ta’ “żewġt irġiel majestużi ta' 36 u 41 sena poġġew ħdejn xulxin u nfaqgħu jibku. Dmugħ reali - kważi wied tad-dmugħ - inkonsolabbli.” Hu qal li fil-fehema tiegħu “m'hemmx immaġni mid-dinja sportiva aktar sabiħa, ta' tfixkil u rivoluzzjonarja minn din.”


Nicole Zammit