Ilbieraħ bħala Gwida.mt kellna ċ-ċans nattendu għal rappreżentazzjoni speċjali ta' Rinoċeronti, qabel din tiftaħ għall-pubbliku llejla. Kull min ħa jieħu l-opportunità li jattendi dan id-dramm assurd li jitkellem dwar il-konformiżmu, l-aljenazzjoni u l-isterżmu tal-ħajja li sirna ngħixu żgur ħa jsib ruħu jistaqsi ċertu mistoqsijiet.

Mhux biss... imma wieħed ħa jkolli ċ-ċans jara u jgawdi dan ix-xogħol klassiku ta' Eugene Ionesco mtella' minn Teatru Malta li ma' kull produzzjoni jkomplu jgħollu l-livell tax-xogħol teatrali f'pajjiżna. Huma jagħmlu dan filwaqt li b'mod pożittiv jisfidaw l-udjenza preżenti taħseb u tirrifletti.

Ritratt: Facebook / Teatru Malta

Fuq palk minimalist, b'atturi b'kapaċità mill-aqwa u grafika effettiva dan ix-xogħol jispikka verament. It-traduzzjoni għall-Malti ta' Clare Azzopardi u Albert Gatt mad-direzzjoni u addattament ta' Michael Fenech jwassal dan ix-xogħol aktar qrib l-udjenza Maltija, b'ċertu batuti li ta' Maltin ilkoll familjari magħhom.

Jekk wieħed jistaqsini xi spikka l-aktar waqt is-serata, ikolli nistqarr li kienet l-interpretazzjoni tal-karattru prinċipali ta' Berenger maħduma minn Daniel Azzopardi. B'ħila kbira, l-attur daħal fil-profond u wieħed jara l-bidla ta' dan il-karattru ssir quddiem għajnejh stess.

Ritratt: Facebook / Teatru Malta

Lil Daniel ħafna jafuh f'diversi partijiet fuq is-sensiliet lokali fuq it-televiżjoni bħal Deċeduti, Il-Klikka, Strada Stretta u L-Għarusa. F'dan id-dramm, wieħed jista' jara lil Daniel fl-aqwa tiegħu, fejn jidħol fin sal-iċken dettal u b'hekk jieħu l-udjenza miegħu fuq il-vjaġġ li Berenger, il-karattru tiegħu jkopri.

Dan żgur ma setax ikun possibli mingħajr il-kast formidabbli bħal Andre Mangion, Naomi Knight, Michael Mangion fost oħrajn. Jekk għadkom qed taħsbuha tmorrux taraw dan ix-xogħol klassiku, aħsbulu. Ma tantx fadal żmien. L-ewwel rappreżentazzjoni għall-pubbliku hi llejla u tagħlaq nhar il-Ħadd.

Ritratt: Facebook / Teatru Malta

Wieħed jista' jikseb aktar informazzjoni billi jżur il-paġna ta' Facebook ta' Teatru Malta, filwaqt li dawk interessati jaqtgħu l-biljetti jistgħu jagħmlu dan fuq kultura.mt. Ħaffu għax l-ispazji huma limitati!

Facebook / Teatru Malta


Emil Calleja Bayliss