Għat-tieni darba konsekuttiva ser inkunu qed naraw lil Bernie & Pod u Fiona Cauchi waqt il-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej. Il-grupp tkellem dwar il-parteċipazzjoni tagħhom f'dan l-avveniment kif ukoll dak kollu relatat mal-kanzunetta tagħhom magħna ta' Gwida.mt.

Il-vjaġġ tal-grupp beda fl-2014 meta Ivan (Pod) staqsa lil Bernard (Bernie) biex idoqq miegħu f'attività ta' ġbir ta' fondi. Il-grupp jispjegalna kif nibet l-isem Bernie & Pod."Riedu isem għall-poster u mingħajr ebda wisq ħsieb żejjed qbadna l-isem ta' Bernard u l-professjoni ta' Ivan (Podjatra), u ħriġna bl-isem tal-band."

"Fi ftit ġranet ingħaqad Duncan u snin wara daħal Allen. Fiona kienet mill-ewwel segwaċi u ħabiba tal-band meta ħriġna d-diska Ħelwa Tal-Għaġeb. Minn hemm bqajna nitkellmu, nieħdu pariri u nikkollaboraw sakemm iddeċidejna li noħorġu dissa għal Mużika Mużika."

tgf

Fiona hi l-unika kantanta mara fil-grupp, staqsejniha jekk hux qed iġennuha xejn, u kellmitna anke dwar kif qed tmur magħhom. "U le, xi jġennuni! Naħseb iktar jien ġenninthom. Għalkemm l-unika mara, il-karattru tiegħi jingwala ħafna ma' kull ġeneru, imbagħad ma' Bernie & Pod, fejn id-diski tagħhom huma wkoll dak li nħobb jien, iktar jagħmilha faċli."

Fiona kellmitna dwar ir-ritorn tagħha fix-xena tal-festivals. "Irritornajt għaliex is-Sur Pod ħajjarni ningħaqad għal kollaborazzjoni. Wara Mużika Mużika tas-sena l-oħra, ħassejt ukoll qabża kbira ta' kwalità fil-mużika Maltija u allura bla ebda tlaqlieq għidtlu iva. U nista' ngħid li ma jiddispjaċini xejn."

Il-grupp Bernie & Pod kellimna wkoll dwar ir-relazzjoni ta' bejniethom, kif ukoll dwar xi affarijiet komuni li hemm. "L-iktar ħaġa komuni hi li kollha missirijiet allura nistgħu nifhmu lil xulxin iktar, iktar meta nagħmlu prijoritajiet."

"L-istil ta' mużika kulħadd differenti però narawh bħala vantaġġ biex noħorġu dejjem prodott versatili u differenti." Ma kinitx l-ewwel darba li l-grupp ħareġ materjal oriġinali biex jindaqq fuq ir-radju. Għandna nistennew aktar materjal ġdid mingħandhom? "Meta niktbu u nikkomponu dejjem naraw il-feel tan-nies xi jkun.

gf

"Żgur li l-ewwel naraw li diska togħġob lilna u li ttina sensazzjoni pożittiva. Meta ħsibna u għamilna hekk, ir-rispons tan-nies ikun reċiproku. Hemm ħafna diski miktubin u kważi lesti, imma dejjem insibu xi ħaġa x'nirranġaw."

Dwar materjal ġdid huma jgħidulna, "Iva, 'il quddiem hemm ħafna materjal li ħa noħorġu." Il-mużiċisti kollha qablu li minkejja huma mużikalment differenti, xorta waħda jaqblu fil-karatteristiċi li għaqduhom flimkien, "sempliċità, tbissim u għatx kbir biex nieħdu gost fuq il-palk."

Ikellmuni anke dwar il-messaġġ u l-istorja wara l-kanzunetta Ħlomt li. "Ħlomt Li hija realtà li qed ngħixu madwarna. Realtà li kull wieħed u waħda minna jgħix... mingħajr ma nindunaw jew aħjar wisq nagħtu każ. Ħlomt li twassal ukoll messaġġ ta' kuraġġ, messaġġ ta' tama, messaġġ ta' ħajja aħjar."

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb