Ilbieraħ flgħaxija sar il-Konkors Kanzunetta Indipendenza ġewwa l-Pietà fejn dawk preżenti, kif ukoll it-telespettaturi ta' NET TV kellhom iċ-ċans igawdu minn 20 kanzunetta bil-lingwa Maltija. Ir-rebbieħa ta' din l-edizzjoni kienet iż-żagħżugħa Rachel Lowell minn Ħal Lija. Rachel kisbet l-ewwel post bil-kanzunetta Li Stajt Nagħżel Jien fuq kliem ta' Rita Pace u mużika ta' Mark Spiteri Lucas.

Kanzunetta li titkellem dwar l-abbort, kanzunetta mill-vuċi tat-tarbija li tinsab fil-ġuf u l-unika xewqa tagħha kienet biss li titwieled u ssejjaħ lil ommha, ma. Il-lirika ta' Rita Pace żgur li misset il-qlub tan-nies u l-interpretazzjoni sinċiera ta' Rachel flimkien mal-melodija ta' Mark Spiteri Lucas ħallew effett pożittiv.

Il-kanzunetta klassifikata fit-tieni post kienet Sfumaw, kantata minn Danica Muscat fuq kliem ta' Emil Calleja Bayliss u kompożizzjoni ta' Philip Vella. Kanzunetta li tikellem dwar il-karba tal-ambjent u kif jekk ma nieħdux ħsieb dak li hu tagħna ħa nitilfuh. 

Fit-tielet post spiċċat il-kanzunetta ta' Amber Grace bl-isem ta' Ngħix fuq kliem ta' Emil Calleja Bayliss u kompożizzjoni ta' Aldo Spiteri. Kanzunetta soċjo-reliġjuża li titkellem dwar is-sabiħ tal-ħajja u kemm wieħed għandu japprezza kull mument. 

Il-kanzunetta rebbieħa tat-televoting kienet dik ta' Kevin Cortis, li ġġib l-isem Kif Ma Tismax? fuq kompożizzjoni ta' Dominic Cini u mużika ta' Andrew Vella. Kanzunetta li inċidalment ukoll titkellem fuq l-abbort, din id-darba titkellem speċifikament fuq l-abbort li jsir lejn l-aħħar tat-tqala. 

F'isem Gwida.mt nawguraw lir-rebbieħa tal-bieraħ u lill-kantanti kollha li pparteċipaw fl-edizzjoni ta' din is-sena, nawgurawlhom u nixtiequlhom aktar u aktar suċċessi fil-ġejjin. Komplu żommu l-lingwa Maltija ħajja.   


Anthony Baldacchino