Rachel Fabri, snin ilu konna rajnieha fil-kompetizzjoni televiżiva L-Isfida. Il-karriera tagħha kompliet miexja ‘l quddiem tul is-snin tant li fost ħafna affarijiet oħra ingħaqdet mal-grupp All Angels, kif ukoll magħhom kienet kantat fil-finali taċ-'Champion’s League' fl-arena ta’ Wembley fl-2011. Ħadet sehem ukoll f’xi films u rajnieha ma’ Domnic Cooper f’The Devil’s Double.

Il-musicals huma l-ikbar passjoni li għandha fil-qasam tal-ispettaklu u dan l-aħħar ingħaqdet ma’ ħafna artisti magħrufa għal kunċert ġewwa l-Hammersmith Apollo f’Londra għal żewġ serati ppreżentati minn Tim Rice. U x’kienu l-kummenti ta’ Sir Tim Rice wara li semagħha tkanta l-kanzunetta li hu stess kiteb I Don’t Know How To Love Him għal Jesus Christ Superstar? Iżda fuq kollox, illum għandha rwol tassew sabiħ u importanti f’ħajjitha, dak li saret omm.

Rachel, dan l-aħħar kont qiegħda f’Londra biex tieħu sehem fil-kunċert The Best of Rock Musicals fl-Apollo Hammersmith. X’kien ifisser għalik li tieħu sehem f’dan il-kunċert?

Din l-aktar esperjenza riċenti tiegħi, The Best of... Rock Musicals, saret fl-Eventim Apollo f’Hammersmith, post popolari bil-bosta, li fissret ħafna għalija. Hemmhekk iltqajt ma’ individwi b’talent inkredibbli fil-qasam tiegħi li dejjem kont nammira u nirrispetta.

Għalhekk tista’ tifhem li meta stajt inkun magħhom fuq il-palk u nitgħallem minnhom dan kien ta’ unur kbir għalija u opportunità tal-għaġeb. Dawn kienu stilel mill-West End u minn Broadway, bħal Kerry Ellis (Wicked, We Will Rock You), Adam Pascal (RENT) u Judy Kuhn (Pocahontas, Les Miserables, Fiddler on the Roof). Dan il-kunċert ħa ħsiebu Sir Tim Rice li kont ixxurtjata biżżejjed niltaqa’ miegħu u kelli kummenti sbieħ dwari mingħandu.

Dan il-kunċert sar bħala għajnuna liċ-Charlie Waller Memorial Trust, Trust li nemmen ħafna fiha, biex jitqajjem għarfien dwar is-saħħa mentali u kif jiġu pprevenuti s-suwiċidji. It-Trust twaqqaf mill-familja ta’ Charlie Waller li kien neħħa ħajtu xi snin ilu. Għalhekk kienu waqqfu t-Trust bil-ħsieb li jgħinu lil dawk li kienu jaħsbu biex jagħmlu suwiċidju.

Dan il-kunċert kien tassew għal qalbi għax tinteressani l-psikoloġija u nħobb ngħin lil ħaddieħor, speċjalment bis-saħħa tal-mużika. Taf li jkun hemm erbat irġiel kuljum, fl-Ingilterra biss, li jneħħu ħajjithom? Min irid jgħid jista’ jżur www.cwmt.org.uk - Depression: Let’s get talking!

Kif kienet l-atmosfera fit-teatru waqt il-kunċert?

L-atmosfera kienet tassew elettrifikanti — kemm kien hemm enerġija! Kien ambjent tassew eċċitanti. Fil-fatt kritiku semma' kif din l-enerġija qatt ma waqfet u tul l-ispettaklu kollu żammejna atmosfera mimlija b’din l-enerġija. L-udjenza saħħret biha.

The Best of... Rock Musicals kien immexxi minn Tim Rice u Christopher Biggins. Mill-esperjenza personali kif tiddeskrivi lil dawn it-tnejn?

It-tnejn li huma kienu faċli li tkellimhom u anki tiċċajta magħhom. Tassew persuni umli u saqajhom mal-art. Kont ixxurtjata wkoll li kelli kliem sabiħ dwari minn Sir Tim Rice wara li kantajt il-kanzunetta tiegħu I Don’t Know How to Love Him minn Jesus Christ Superstar li kiteb il-kliem tagħha għall-mużika ta’ Andrew Lloyd Webber. Semagħni nkantaha u rani u ma kelli l-ebda pressjoni fuqi għax kien hemm. U meta rġajt iltqajt miegħu fl-intervall ikkummenti kemm kont kantajt sabiħ. Kliem li fisser id-dinja għalija. Issa nista’ mmut ferħana!

Kont fuq il-palk ma’ wħud mill-aqwa artisti fil-West End. Liema kienu dawk li l-aktar li ħallew impatt fuqek?

Bosta minnhom ħallew impatt kbir fuqi speċjalment Kerry Ellis, Adam Pascal u Judy Kuhn. L-aktar laqatni f’Kerry Ellis, minbarra l-vuċi fantastika tagħha u tkanta bla ebda sforz, hu kemm kienet umli u faċli biex tkellimha. Minbarra dan Kerry meta tkun fuq il-palk kellha preżenza u kunfidenza li tiġbdek lejha. Kapaċi tkanta l-lirika b’passjoni u tħoss dak li tkun tkanta.

Adam Pascal influwenzani wkoll kemm kien kunfidenti fuq il-palk bil-vuċi tiegħu timla t-teatru. Judy Kuhn, ili nammiraha sa minn mindu kont teenager meta għamlet il-vuċi ta’ Pocahontas fil-cartoon ta’ Disney u l-parti ta’ Cosette f’Les Miserables, rwol li dejjem ħlomt li nagħmel meta kont żgħira. Għandha vuċi bla tbatija imma l-aktar ħaġa li laqtitni fiha kienet il-faċilità u l-passjoni li tat meta kienet tkanta l-istorja. Tassew taf kif iddaħħlek fl-istorja li tkun tkanta dwarha.

Ovvjament ix-xena tal-mużika f’Londra hi waħda li int imdorrija fiha. Meta tħares lura, liema kienu l-aktar esperjenzi mill-imgħoddi li tħoss li ħallew marka fik?

Kelli ħafna esperjenzi teatrali li ħallew impatt kbir fuqi, f’Malta u anki barra minn Malta. Bosta minnhom seħħew fl-Ingilterra fejn ili ngħix u nagħmel tours tul ħames snin sħaħ. Imma l-aktar mumenti teatrali favoriti tiegħu seħħew f’Malta fejn kelli ħafna okkażjonijiet. Malta bħalissa qed tfur bl-opportunitajiet. L-esperjenzi li ħallew impressjoni fuqi huma dawk ta’ Maria minn The Sound of Music, u Cathy minn The Last Four Years.

Tgħallimt ħafna minn dawn il-partijiet. Kienu sfidi kbar, kemm mil-lat mużikali kif ukoll mir-reċtar. U kemm ħadt gost nagħmel dawk il-partijiet. L-esperjenzi tiegħi barra minn Malta huma meta kantajt mal-grupp tiegħi All Angels fiċ-ċerimonja tal-ftuħ taċ-Champions League f’Wembley Stadium fl-2011 għax kienet tassew eċċitanti, u li nkanta mill-ġdid mal-All Angels fir-Royal Albert Hall li hu l-post l-aktar favorit għalija. U naturalment insemmi The Best of... Rock Musicals li kont nagħmel parti minnu, kunċert ta’ għajnuna għal kawża li hi tant għal qalbi, li matulu ltqajt ma’ nies inkredibbli.

Liema hija l-aktar silta mill-musicals li għandek għal qalbek, u għalxiex tħoss li hija daqshekk speċjali?

Din mistoqsija tassew diffiċli biex inwieġbek għaliha għaliex il-kanzunetti favoriti tiegħi mit-teatru mużikali jinbidlu bħar-riħ! Dawn li ġejjin xi darba jew oħra kienu favoriti tiegħi: Dreamed a Dream minn Les Miserables; Memory minn Cats; Feed the Birds minn Mary Poppins; Something Wonderful minn King and I, Circle of Life minn Lion King u I’d Give my Life for You minn Miss Saigon. Jogħġbuni wkoll bosta minn Jesus Christ Superstar u wkoll minn Evita.

Bħalissa naħseb li l-favorita tiegħi hija minn kanzunetti minn Dear Evan Hansen, We Will Rock You u bosta kanzunetti minn Chess. Dawn huma kanzunetti li laqtuni u xi darba jew oħra missewli qalbi u spiċċajt bid-dmugħ f’għajnejja. Kun af ukoll li jogħġbuni wkoll bosta mill-musicals li naf. Għalhekk mistoqsija diffiċli biex inweġibha.

All Angels huwa wkoll parti importanti minn ħajtek. Kif kienet ġiet l-opportunità u xi proġetti hemm għaddejjin magħhom?

Din l-opportunità waslitli fl-2009 wara li ggradwajt mill-kors tal-Masters Degree fl-Ingilterra. Kont iltqajt ma’ avviż fil-gazzetta The Stage fejn intqal li l-All Angels kienu qed ifittxu r-raba’ membru għall-grupp wara li membru oriġinali kienet ħalliet il-grupp. Insertajt li kont fan tal-grupp ferm minn qabel u fil-fatt kelli l-albums kollha tagħhom. Għalhekk applikajt mill-ewwel u kont aċċettata għall-kwartett femminili li jkanta stil classical-crossover.

F’Diċembru tas-sena l-oħra ddeċidejna li nagħmlu kunċert ta’ anniversarju biex infakkru l-imgħoddi. F’dawn l-aħħar snin l-erba’ membri konna qbadna triq għal rasna: jien iżżewwiġt, kelli tarbija u ssetiljajt lura f’Malta niffoka fuq karriera ta’ solista. Daisy ffukat fuq karriera ta’ solista fil-mużika jazz u folk; Melanie għamlet suċċess fl-immaniġġjar ta’ lukanda waqt li Charlotte hija attriċi ta’ suċċess kbir fuq it-televiżjoni u l-palk. Minkejja li ilna xi snin minn meta għamilna tours u kantajna flimkien aħna għadna magħqudin u ħadna pjaċir kbir nagħmlu l-kunċert tal-anniversarju f’Diċembru.

Kif għidtilna, qabel fl-2011 kellek l-esperjenza li flimkien ma’ All Angels tkanta fl-istadju ta’ Wembley qabel bdiet il-finali taċ-Champions League. X’memorji għandek ta’ din l-esperjenza?

Kienet esperjenza li niddeskriviha biss f’kelma waħda: surreali. Ftakar li konna qed inkantaw live quddiem 90,000 spettatur u miljuni oħra fuq it-televiżjoni madwar id-dinja. Ħassejtni ċkejkna ħafna f’dak l-ispazju enormi... imma meta tisma’ l-eku tal-vuċi tiegħek ġejja lejk kif ukoll iċ-ċapċip tan-nies preżenti tħossok ta’ barra minn hawn. Niftakar li kellna nimxu bla żraben fuq il-ħaxix biex ma nagħmlux ħsara bit-tkaken. Kellna żraben ċatti imma ddeċidejna li noħorġu ħafjin. Kienet tassew tal-ġenn li rajna l-logħba minn fejn kellna postijiet tajbin. Dakinhar Barcelona għelbu lil Manchester United 3-1.

Int illum il-ġurnata sirt omm ukoll. Kif tiddeskrivi din l-esperjenza tiegħek?

Bla ebda dubju l-isbaħ esperjenza ta’ ħajti. Ma hemm l-ebda rwol oħra li qatt tista’ titqabbel ma’ dik li tkun omm. Xtaqt għal żmien twil li tkun omm u fl-aħħar nett, meta waslet iċ-ċkejkna tarbija tiegħi, qatt ma ħassejt daqshekk ferħ. Inħossni li nista’ nisplodi bl-imħabba li nħoss għat-tifla sabiħa tiegħi.

Bħala attriċi kont dehert ukoll fil-film The Devil’s Double. X’memorji għandek ta’ dan il-film u kif tħares lejn l-industrija tal-films?

Jien aktar imdorrija nkun fuq il-palk milli nkun fuq film. Imma dawk il-ftit drabi li rreċtajt fil-films kienu esperjenzi kbar ta’ tagħlim. Naturalment dawn huma ġeneri huma differenti għal kollox minn xulxin għax waqt li fuq il-palk ikollok quddiemek udjenza ħajja waqt film tkun qed tirreċta biss għall-kamera, ħaġa li xi drabi ma tantx inħossni komda fiha. Naħseb li jien nixrob ħafna mill-enerġija tal-udjenza li jkolli quddiemi għalhekk inħossni aħjar fuq il-palk. Imma anki jekk il-palk jibqa’ l-ewwel u l-imħabba tiegħi prinċipali, inħobb ukoll il-film.

Waqt il-film The Devil’s Double ħdimt u ltqajt ma Domenic Cooper li ħadem il-parti prinċipali. Iltqajt ukoll ma’ Philip Quast. Il-memorji tiegħi waqt dan il-film jinkludu li tgħallimt immens minn Philip Quast li kien ta’ eżempju kbir għalija u li waħda għandha timxi fuq il-passi tiegħu. Dan ir-raġel minbarra li hu attur stabbilit fuq it-teatru mużikali ta’ Broadway huwa wkoll attur tal-films. Bħalissa daqt nibda naħdem fuq film internazzjonali ġdid. Issa wara tant snin mitfugħa fuq il-palk qed inħoss li wasal iż-żmien li nerġa’ lura għall-filming mill-ġdid.

Int tħarreġ ukoll bosta żgħażagħ fil-qasam tal-mużika. Xi tħoss li ż-żgħażagħ qed ifittxu l-aktar fil-mużika? Li jsiru artisti jew sempliċiment biex jikkompetu f’festivals u kompetizzjonijiet televiżivi?

Iva, jien ngħallem il-kant u t-teatru mużikali liż-żgħażagħ. Hemm studenti li jiġu biss bil-ħsieb li wara jkomplu jistudjaw barra minn Malta għal aktar taħriġ u degrees fit-teatru mużikali. Għalhekk inħejjihom jippreparaw għall-auditions u l-eżamijiet. Imma hemm oħrajn li jiġu biss bħala passatemp. L-istudenti li jiġu għandi huma aktar dawk mitfugħa li jkunu artisti milli jidħlu f’xi kompetizzjoni. Imma hemm ftit oħrajn li kkompetew f’kompetizzjonijiet u għamlu suċċess ukoll.

Ninkoraġġihom jagħmlu dak li jħossu li huma l-aktar mitfugħa fuqu u niggwidahom kemm ikun possibbli. Mhux kulħadd irid jieħu sehem f’kompetizzjoni, mhux kulħadd jixtieq jagħmel teatru mużikali, jew pop jew jazz jew klassiku. Kull student huwa individwu b’vuċi individwali li lest jaqbad triq u stil individwali wkoll.

It-tifla se tkun qed tressaqha lejn il-qasam mużikali?

Għala le, jekk ikun dak li tixtieq tagħmel? Irridha tkun ferħana u se nappoġġjaha f’dak kollu li tkun interessata fih. S’issa nista’ ngħid li interessata xi ftit lejn il-mużika u għalhekk ninkoraġġiha f’dan il-qasam. Imma meta tikber, jekk l-affarijiet jinbidlu u ma tkunx trid tkompli aktar fit-triq tal-mużika, lesta nagħtiha l-appoġġ fi kwalunkwe deċiżjoni li tieħu.

Lejn xiex qed tħares għall-quddiem?

Ninsab kuntenta dwar kif sejrin bħalissa l-affarijiet — inkun omm u mara tad-dar, kantanta, artista u għalliema. Nittama li l-futur iġibli aktar minn dawn l-affarijiet u nixtieq li nispira lill-istudenti, lit-tifla, lill-ħbiebi u lill-kollegi biex jagħmlu dak li jħobbu jagħmlu u jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn hekk. Inħobb ukoll ngħin lil ħaddieħor biex jiskopri l-potenzjal veru tiegħu.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Facebook / Rachel Fabri


Frederick Zammit