Meta persuna tiddeċiedi li tibda d-dieta tasal f’punt fejn kultant tibda tibża’ u kważi, kważi taqta’ qalbha mill-ewwel. Dan jiġri ħafna drabi meta nżommu f’moħħna l-mentalità ta’ “kul inqas u ċċaqlaq aktar”. 

Aħna ta’ Gwida.mt tkellimna mal-ex-infermier u nutrizzjonista Gianluca dwar kif wieħed jista’ jibda jaħdem biex inaqqas il-piż b’mod gradwali bla ebda strapazz żejjed. Jagħmilha ċara li dieta mhux neċessarjament hemm bżonn li ssir billi wieħed imur il-gym. 

Hemm ħafna individwi li dan il-metodu jaf jaqtalu qalbu minnufih. Permezz ta’ dixxiplina u determinazzjoni wieħed kapaċi jibda jara progress billi jimxi fuq dan il-parir kredibbli ta’ Gianluca.

“Li tnaqqas il-konsum ta’ karboidrati (carbohydrates) ifisser li trid taqta’ ikel bħall-ħobż, għaġin, u sa ċertu punt il-frott! Meta tagħmel dan inti qed tnaqqas il-ħidma ta’ ċertu ormoni (bħal mhu l-insulina) u tnaqqas iċ-ċans li z-zokkor li tkun qed tieħu minn dan it-tip ta’ ikel jinbidel f’xaħam.”

“Ibbilanċja l-konsum tal-karboidrati, aqta’ dawk ix-xarbiet jew deżerti b’ammonti kbar ta’ zokkor, naqqas l-ammont ta’ ħobż, għaġin u frott li tiekol, u ara x’jiġri!” 

Gianluca jissuġġerixxi biex wieħed iżomm ma’ din ir-rutina għal 30 ġurnata.

Instagram/ felipesousa91_/ f.r.illustration


Kyle Zarb