Lil Christian Arding konna ilna xi ftit ma narawh fix-xena lokali, iżda f’Marzu li għadda ħa sehem fil-Festival Mużika Mużika fejn rebaħ il-vot tal-ġurija u spiċċa fit-tieni post tal-Festival bil-kanzunetta Għajejt Inħobb bi kliem ta’ Rita Pace u mużika ta’ Gilbert Camilleri.

Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu ma’ Christian dwar din l-esperjenza, dwar l-esperjenza ġdida tiegħu mat-tim ta’ Sibtek u r-resoluzzjonijiet għas-sena 2022 – jekk dejjem Christian jemmen fihom. Insomma araw x’kellu x’għidilna.

Christian, rajniek f’Mużika Mużika. Żgur li kienet esperjenza indimentikabbli. Spiċċajt irbaħt il-vot tal-ġurija u spiċċajt fit-tieni post. X’tgħidilna dwar dik l-esperjenza?

L-esperjenza tal-Festival Mużika Mużika kienet esperjenza indimentikabbli. Il-fatt li rbaħt il-vot tal-ġurija huwa unur mill-kbar għax juri li l-espert kellu l-opinjoni tiegħu, li xorta spiċċajt fit-tieni post ikun ftit ta’ diżappunt għal dak il-ħin li tkun għadek bl-adrenalina tal-festival.

Imma dejjem hemm l-element sportiv, li jirbaħ kull tip ta’ sfida li tiltaqa’ magħha f’dawn l-opportunitajiet.

Minn Ottubru bdejna naraw ukoll fuq il-programm popolari Sibtek. Avventura ġdida għalik ma’ Ryan u Josmar. Kif laqgħuk fit-tim tal-familja ta’ Sibtek?

Sibtek huwa programm li huwa segwit mill-poplu Malti u Għawdxi għal dawn l-aħħar 11 il-sena. Il-fatt li jiena il-pjanist residenti u li hija l-ewwel edizzjoni li qed naraw pjanist residenti hija xi ħaġa ġdida għall-programm Sibtek. Ryan u Josmar huma żewġ preżentaturi li tarahom meta tarahom, dejjem b’dik it-tbissima fuq wiċċhom li ma tintesiex malajr.

Meta ġejt avviċinat biex inkun il-pjanist residenti ta’ din l-edizzjoni ħassejtni parti kbira mill-familja ta’ Sibtek għaliex ovvjament ġejt milqugħ bħala parti importanti u essenzjali fil-programm Sibtek.

Hemm xi ħolma jew xi xewqa partikolari li tul din is-sena tixtieq li twettaq?

Xewqat għandi ħafna, biss però qed naħdem fuq proġett li ser jidher fuq it-televiżjoni lokali Malti għal din is-sena. Xewqa waħda għandi, li nara ix-xogħol kbir impenjattiv li jirrikjedi ħafna xogħol ta’ filming u ta’ produzzjoni.

Ovvjament li tkun il-produttur ta’ proġett bħal dan jirrikjedi ħafna spejjeż u ħafna attenzjoni u ħijiet twal ta’ filming u edittjar għalhekk ix-xewqa ta’ din is-sena hija li titlesta din is-sensiela ta’ 18-il episodju li ovvjament bla dubju se nferħħu lill-Maltin u l-Għawdxin.

Christian jemmen fir-resoluzzjonijiet, jekk iva għandek xi waħda pjanata għal din is-sena li ġejja? U jekk le, għaliex ma temminx daqstant?

Jiena nemmen li l-bniedem għandu moħħu biex jużah tajjeb. Sfortunatament, kull meta semmejt xi resoluzzjoni li forsi xtaqt li nagħmel, dejjem ma rnexxilix għalhekk meta naħseb f’xi ħaġa li tista’ tkun xi tip ta’ resoluzzjoni nipprova li nwettaq dak li nkun ħsibt biex ovvjament intejjeb il-pożizzjoni li nkun qed ninsab fiha, kemm tiegħi personali u kif ukoll dik ta’ familti.

Christian jagħlaq b’messaġġ qasir lill-qarrejja tagħna, “Nixtieq nawgura is-sena l-ġdida mimlija hena, barka u ġid lil kull wieħed u waħda minna.”

Facebook / Graziella Montebello


Emil Calleja Bayliss