Il-virologu Chris Barbara, dalgħodu fuq il-programm TVAM qal li x-xagħar fl-imnieħer huwa tip ta' protezzjoni kontra kull virus. Huwa semma' wkoll l-istudju li ħareġ minn ġewwa l-Iżrael, fejn spray partikolari fl-imnieħer kien ta' protezzjoni b'saħħitha biex wieħed ma jieħux dan il-virus.
Dan spray li hu disponibbli faċilment ġie provat fuq numru ta' Lhud ġo festa reliġjuża fl-Iżrael is-sena li għaddiet. L-ispray li jiswa madwar €60, mibjugħ f'pakkett ta' erba', imsejjaħ Taffix, jingħad li jiksi l-parti ta' ġewwa tal-imnieħer bi trab aċiduż li jagħmilha diffiċli għall-partiċelli virali biex jippenetraw.
Għalkemm ir-rata telgħat għal 28% minn 18% ta' dawk li kienu pożittivi għall-coronavirus ġo belt partikolari ġol-Iżrael, grupp żgħir li għamel użu minn dan l-ispray, ħadd minnhom ma' ħareġ pożittiv.
Wieħed jista' jsib dan l-ispray fuq Amazon. Minkejja li l-istudju ma kienx suġġett għall-istess rigorożità bħal studju xjentifiku kkontrollat, jipprovdi test reali tal-isprays - li xi xjenzati jemmnu li jista' jkollhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija.
Madankollu, ir-riċerkaturi wissew li l-ispray għall-imnieħer mhuwiex sostituzzjoni għal maskri tal-wiċċ jew iżolament soċjali u għandu jintuża bħala protezzjoni addizjonali.