L-Eks Ministru Evarist Bartolo qasam ħsieb li qed jiġi rifless madwar l-Ewropa kollha. Hu jgħid, 'Qed jiżdiedu l-mexxejja madwar id-dinja li qed jippreparaw lill-poplu tagħhom għaż-żminijiet iebsa li ġejjin quddiemna."

Hu jkompli jispjega, "Qed jgħidulhom ċar u tond li żmien l-abbundanza spiċċa u issa jridu jlestu għas-sagrifiċċji. Isemmu l-effetti ekonomiċi tal-Covid, il-kriżi tal-klima u l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna... bejnietom dawn it-tliet problemi kbar qed iġibu ħafna tbatija: għoli tal-ħajja, skarsezzi u tnaqqis fil-ħolqien tax-xoghol u tal-ġid li jwassal għal tnaqqis fid-dħul tal-gvernijiet u jkollhom inqas x’jonfqu fuq l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u s-saħħa..."

Evarist ikompli jgħid, "Żgur li l-mexxejja mhux jieħdu gost ikollhom iwasslu dawn il-messaġġi u żgur mhux qed jagħmluha biex ixerrdu d-dlam u jaqtgħu qalb in-nies. Qed ikunu sinċiera u realistiċi dwar dak li kull pajjiz u poplu qed jiffaċċja. Kull mexxej żgur jieħu gost iqassam u jwassal aħbarijiet sbieħ."

Hu jtenni, "Imma l-fibra ta’ mexxej tidher meta jkollu jitkellem onest dwar żminijiet diffiċli. Dan huwa l-mument bħal dawk u huwa ta’ test għal kull mexxej daqskemm hu żmien ta’ prova għal kull poplu u pajjiż dwar kif se jiffaċċja iżjed maltemp, jibqa’ jbaħħar u joħrog minnu."

X'taħsbu dwar dan kollu?

Facebook / Evarist Bartolo


Emil Calleja Bayliss