Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu ma' Carlo u Valentina dwar il-fatt li dan l-aħħar bdew avventura ġdida! Avventura li tista' tgħid li kellha bidu tagħha grazzi għall-Covid-19!
“Peress li fil-Covid spiċċajna d-dar, it-tnejn li aħna flimkien, qattajna ħafna ħin nesperimentaw bl-ikel! Spiċċajt jien nixtri l-laħam u nagħmlu kappuljat għal mal-burgers. Bdejna nagħmlu kull tip ta’ burger tajba. Għal bidu bdejna nistiednu lil ħbieb tagħna meta l-miżuri kienu jippermettu u dawn il-burgers spiċċaw intgħoġbu ferm” jgħid Carlo.
“Għamilna riċerka fuq il-buns tal-burgers u komplejna nirifinaw, dak iż-żmien ukoll iltqajna ma’ ħabib tagħna li kellu x-xewqa jiftaħ ħanut. Għal bidu l-idea kienu li nagħmlu l-burgers fil-menu, imbgħad spiċċajna biex xtrajna l-ħanut u ftaħna restaurant!” tgħid Valentina.
Carlo, Valentina u l-ħabib tagħhom qed imexxu restaurant li jispeċjalizza fil-burgers. Valentina tgħidilna li kull burger li għandhom fil-menu, ġiet approvata mingħandhom wara li t-tnejn li huma daquha. Qattgħu ħafna ħin jaraw u jirriċerkaw fuq burgers biex joħorġu t-togħmiet li jixtiequ huma. Jidher li inrexxielhom għax bosta kienu dawk li pruvaw dawn il-burgers. “Mill-burgers fil-kċina tagħna għal għand in-nies,” jgħidilna b’daħka Carlo.
It-tnejn jistqarru li din kienet waħda mill-iżjed ġennati li għamlu u xħin qalu lil tad-dar kulħadd baqa’ mistgħaġeb għal fatt li dawn it-tnejn huma impenjati ħafna bix-xogħol tagħhom.
“In-nies m'għandomx jinkwetaw fuq il-kwalità tat-takeaway u ħafna jirrikoru għal din l-għażla minflok imorru fir-restaurant. Oħrajn meta fetħu r-restaurant għażlu li jiġu. Insibu minn kollox!” tgħid Valentina. Jidher li l-pandemija bidlet ftit il-ħsibijiet fejn jidħol restaurants.
“Minn qalbna wkoll nixtiequ nirringrazzjaw lil stabilmenti li għenuna nagħmlu dan il-pass. Tiskanta li minkejja li “kompetizzjoni” issib ħafna għajnuna. Din li għamlet il-pandemija li negozji bħal tagħna ingħaqdna flimkien għax wara kollox kulħadd ġie affetwat,” jgħid Carlo.
Staqsejna lil Valetina jekk tiħux pjaċir tagħmel reklami ta’ stabilmenti oħrajn, “Għaliex le? Din mhux kompetizzjoni imma daqqa għandek aptit burger mod, u daqqa għandek aptit xi ħaġa oħra. Aħna mmorru nieklu għand ħafna restoranti u żgur li mhux ser nieqfu nagħmlu dan issa li għandna l-ħanut tagħna. Għalija li tissaportja li l-affarijiet lokali hija neċċesarja għax din il-pandemija affetwat u kisret lil kulħadd,” tiqarr Valentina.
Din il-koppja hija magħrufa għall-ikel stramb u jaħraq li jipprovaw, tgħid ser naraw xi ħaġa ta’ dan it-tip fil-menu? “Minjaf! Li nafu li mhux ser inkunu avventurużi bhal nagħmlu l-insetti għax żgur ma jiħdux impressjoni tajba tagħna.
Imma aktar il-quddiem forsi nagħmlu ftit affarijiet differenti. Għadna fil-bidu ta’ dan il-proġett u jonqosna ħafna x’nesperimentaw u x’inbidlu!” qalet Valentina. B’hekk minflok qagħdu dar jaħlu l-ħin, dawn it-tnejn użaw il-ħin tagħhom biex joħolqu xi ħaġa li verament tgħaqqadhom li jieħdu pjaċir! “Issa ilna madwar sena u nofs noqgħodu fil-post tagħna tal-Mosta, xi ħaġa li dejjem xtaqna li jkollna xi ħaġa tagħna.
L-isbaħ ħaġa fil-post kienet li aħna m'għamilniex kollox f’daqqa imma ħallejna proġetti żgħar għal matul iż-żmien. Għamilna kollox flimkien, ħloqna l-kmamar u għamilniehom kif xtaqna aħna. Carlo mid idejh fl-affarijiet li qatt ma kont immaġinajtu li ser jagħmel imma flimkien ħloqna xi ħaġa sabiħa!” tgħid Valentina.
Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Lulju. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.