Keith Demicoli tista' tgħid li hu wieħed mill-iktar personalitajiet popolari u maħbuba mal-Maltin. Waqt l-intervista tiegħu ma' Trudy Kerr fuq The Interviewer, il-podcast li aktar ma jmur aktar qed jiġbed attenzjoni, Keith tkellem dwar x'wasslu biex ibiddel il-post tax-xogħol.

Keith jagħmel appell biex dak li jkun isegwi l-passjoni tiegħu. Hu jistqarr li meta kien żgħir ma kienx xi student li jibbrilla, tant hu hekk li għamel l-eżami tal-Physics ħames darbiet. L-interess tiegħu kien fil-futbol u kellu x-xewqa li jsiru kummentatur sportiv.

Ma' Trudy, Keith jistqarr li fehem is-saħħa tal-midja meta kellu biss 12-il sena. Kien kiteb ittra fuq il-gazzetta sabiex tiġi installata telephone box ħdejn il-kappella tal-Kalkara fejn kien abbati u jistqarr, "Inkredibbilment, tliet ġimgħat wara, ġiet installata."

Hu jgħid li fil-karriera tiegħu, li damet 14-il sena max-xandier nazzjonali, hu rrapporta u kkomunika l-aħbar. Il-bidu tiegħu jafu bħala kummentatur tal-waterpolo u minn hemm qatt ma ħares lura. Keith dejjem mexa bil-passjoni, tant li anke kien irrifjuta xogħol bi ħlas doppju fl-IT wara li gradwa f'dak il-qasam.

Jidher li tul il-pandemija, Keith sab il-ħin jirrifletti aktar fuq x'ried jikseb fil-ħajja. “Ingħaqadt ma' TVM bħala ġurnalist u editur tal-filmati u bqajt f'dak ir-rwol minn dakinhar. Qatt ma kelli l-opportunità għal tkabbir personali. Ma kienx dwar il-kisba ta' status maniġerjali jew li nsir CEO. Imma kien dwar li nkun valutat. Jien qed nimxi 'l quddiem, mhux għax kien hemm xi ħaġa ħażina miegħi jew mill-maniġment, imma anke grazzi żgħira tagħmel differenza."

Keith isemmi l-mument ta' meta rebaħ erba’ premjijiet tal-ġurnaliżmu fl-2017 u dakinhar kien irċieva biss kelma ta’ awguri mill-maniġer tal-aħbarijiet tiegħu. Xejn iktar. Hu jistqarr, "Ħsibt li l-maniġment ħa jibgħatli email formali li jgħidli kemm huma kburin b'din il-kisba, imma ma sibt xejn. U għidt, hemm xi ħaġa ħażina."

L-istima hija xi ħaġa importanti ferm f'ħajjet Keith. Hu jistqarr, "Kultant fil-ħajja rridu nieħdu l-ħin u ngħidu, jien determinat li nirnexxi, u nieħu l-opportunità li jmiss."

Aħna f'isem it-tim ta' Gwida.mt, nawguraw lil Keith kull suċċess fi ħdan iċ-Chambe of Commerce. Dawk li jixtiequ jisimgħu l-intervista sħiħa, jistgħu jagħmlu dan HAWN.


Emil Calleja Bayliss