Inqas minn ġimgħa minn meta Miss Attard skopriet li rebħet it-titlu ta' Miss Republic of Malta, aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu magħha dwar kawża li hi tassew temmen fiha. Din it-tieni darba li Nicole Agius qed iġorr it-titlu ta' Miss Republic of Malta wara li fis-sena 2018 kienet ukoll rebħet dan it-titlu.
Hi tistqarr magħna li ma tistax tesprimi dak li qed tħoss wara li għal darb'oħra ġiet inkurunata Miss Republic of Malta. Hi tgħid li l-vjaġġ tagħha kien wieħed sabiħ u bħala esperjenza ma tista' qatt tinsieha u dan mertu ta' Kersten u Jeanette.
Hi tgħid li huma ħa jtuha dak li ma esperjenzatx fl-2018, ħa jtuha pjattorma ikbar fejn tista' ssemma' l-vuċi tagħha. Nicole tistqarr magħna, "Wara li fl-2018 qsamt ma' kulħadd li għandi l-ADHD ir-rispons kien kbir."
"Qatt ma bsart li se jkolli rispons daqstant b'saħħtu minn nies li jbatu b'din il-kondizzjoni u qatt ma ħsibt li se nkun ambaxxatriċi tal-ADHD", tkompli tgħidilna Nicole.
"Irrid nagħmel differenza, irrid nuża din il-pjattaforma biex ngħin lill-ġenerazzjoni żagħżugħa jikbru! U finalment nista' nagħmel differenza. Miss Malta tatni opportunitajiet kbar, u wkoll familja fejn ġejt milqugħa b’dirgħajn miftuħa."
Hi tirringrazzja lil dawk kollha li wreha s-sapport tagħhom, familja, ħbieb, segwaċi, kollegi u wkoll l-għarus tagħha li kieku ma kienx għalihom tgħidilna "ma wasaltx s'hawn għax huma ħallew impatt kbir fuqi."
"Għadni ma nistax nemmen li jien ser nirrappreżenta lil pajjiżna barra minn xtutna, u se nagħmel l-almu tiegħi biex il-Maltin ikunu kburin bija. Jekk toħlom, inti kapaċi tilħaq dak il-ħolm. B'ħafna xogħol u dedikazzjoni int tasal! Int ser issib ostakli kbar quddiemek imma iffoka biss fuq dak li int verament trid!",itemm tgħid Miss Republic of Malta!
Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Nicole f'dan il-vjaġġ li bdiet! Id-determinazzjoni tagħha żgur ħa tgħin sabiex tikseb dak li tixtieq fil-karriera tagħha.
Facebook / Miss Republic of Malta