Jesprimi l-ħsibijiet tiegħu dwar dak kollu li qed jingħad kontra razez oħrajn il-kantant Roger Tirazona. Fil-fatt hu stess għadda minn esperjenzi fejn safa mżeblaħ minħabba dak li għas-soċjetà kien differenti.

"Minn ċkuniti, minn żmien l-iskola Primarja, kienu jirreferu għalija bħala "L-Ippastardjat", bħallikieku teżisti xi razza pura Maltija li ommi għamlu sfreġju fuqha għax għażlet raġel Filippin u kellha lili u lil ħija".

Jisħaq li ż-żminijiet ta' qabel l-affarijiet kienu terġa' agħar mil-lum il-ġurnata. "Qatt ma ftaħt qalbi u tkellimt fuq ir-Razziżmu li sofrew ommi u missieri mis-Sengħinijiet 'il quddiem, il-kummenti li kienet tisma' ommi fit-triq hi u miexja ma' missieri bil-Malti, għax missieri kienu għadu ma jifhimx u ma kinitx tgħidlu; il-klassiżmu u l-elitiżmu li sofrejt l-iskola għax ma kontx bil-Pedigree ta' xi familja Borgiża b'żewġ jew tlett kunjomijiet, jew xi kunjom Ingliż...."

Ikompli billi juri għaliex qed jiddefendi lil dawk il-persuni li qed jiġu mwaqqgħin għaż-żufjett minħabba r-razza tagħhom. "Mhux se niddejjaq ngħid. Iva, għandi 'Bias', u għalkemm ma nagħtix każ ta' Beauty pageants, u ma napprovax li mara titfa' lilha nnifisha f'kompetizzjoni ma' mara oħra fuq bażi ta' kriterji ta' sbuħija li ġejjin minn tradizzjonijiet Patrijarkali, inkun kuntent ħafna jekk ikollna 'Miss Malta' li tirrappreżenta din id-Diversita' fis-sena 2020".


Kyle Zarb