L-affarijiet jiġru meta lanqas tkun qed tistenna! Ftit ilu l-kantanta Amber daħlet tirrekordja kanzunetta mill-isbaħ. B'vuċi tal-bliegħ, Amber tkanta Lord is Coming ta' H.E.R. Fil-kanzunetta tgħid, "il-Mulej ġej u ser jeħodna fl-Art Imwiegħda". Iżda li ma kienitx taf Amber li proprju dak il-lejl stess, in-nanna tagħha ħallietna. 

"Ironikament din il-kanzunetta irrekordjajtha fil-lejl illi mietet hi. Qas biss għaditli minn moħħi illi ftit sigħat wara kont se nkun qed nieħu l-ikbar xokk ta' ħajti" tgħidilna Amber. 

F'kuntatt li għamel Gwida.mt mal-kantanta Amber sirna nafu li l-aħħar messaġġ tan-nanna lil Amber kien ... "Li tħobbni ħafna u li dik il-ġimgħa stess kienet ħa tgħamilli l-imqarun il-forn u l-pudina tal-ħobż". 

Kemm hi diffiċli l-firda! Amber tirrakontalna wkoll l-mumenti sbieħ li kellha man-nanna tagħha. "Kienet il-persuna li rabbitni. Ħajti kienet iddur man-nanna. Kienet l-iktar persuna illi kienet tikritikali xogħli f'sens tajjeb. Kull materjal li kont inkun ħa noħroġ kont insemmu jew nurih lilha l-ewwel. Kienet tgħidli fejn nista' nirranġa. Kont noqgħod ħafna fuq dak li tgħidli" tistqarr magħna Amber. 

L'hena ta' Amber kienet tkun meta tara lin-nanna tagħha tattendi xi performance minn tagħha. "Kont infittixha minn fuq il-palk bil-moħbi billi nisraq ħarsa lejha. Kont nieħu pjaċir nħares lejha u naraha tieħu pjaċir". 

Amber tagħlaq billi tgħidilna ... "Il-firda kiefra ħafna. Iżda t-tbatija hija ħafna agħar. Almenu hekk issa meħlusa minn kull tip ta' tbatija u tinsab hemm fuq tieħu ħsiebna". 

Kuraġġ Amber! Kompli oħloq affarijiet sbieħ, ninsabu żgur lin-nanna tiegħek ser tkun miegħek, tissaportjak!

Amber / Facebook


Anthony Baldacchino