Darren Carabott, Minority Leader f'Santa Venera għadu kif ressaq proposta biex it-triq il-ġdida li saret f’Santa Venera tissemma’ ‘Triq Miriam Pace’ b'tislima biex tibqa' mfakkra Miriam, il-vittma li tilfet ħajjitha f'darha stess.

Din it-triq li nfetħet ftit tax-xhur ilu u tinsab madwar 200 metru 'l bogħod minfejn seħħet it-traġedja li ħasdet pajjiżna madwar sena ilu. Minħabba li din it-triq għadha bla isem, Darren tkellem u talab permess mingħand il-familja Pace biex iressaq din il-proposta.

Darren jgħidilna, "Qatt ma tista’ ssir ġustizzja mal-familja Pace għal dak li tilfu, u għalhekk inħoss li rridu nżommu l-memorja ta’ Miriam ħajja u nfakkru għalxiex mietet. Dan fl-istess waqt li tibqa’ b’saħħitha l-għajta tagħna għar-riforma biex kulħadd iħossu komdu u sigur ġewwa daru jew darha."

Hu jkompli jistqarr magħna, "Tajjeb li niċċara li din għadha biss proposta, u issa jonqos li l-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera jirrakkomanda din il-proposta lill-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq. Strieħ fis-sliem Miriam."

Facebook / Repubblika


Emil Calleja Bayliss