Illejla, proprju fit-20:30 NET TV se jkun qed ixxandar programm speċjali li se jinkludi numru ta' kantanti li diġà rajna f’edizzjonijiet preċedenti tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Dan il-programm se jkun opportunità għal dawk li segwew il-kompetizzjoni biex jiltaqgħu mill-ġdid ma’ xi wħud mill-aqwa talent tal-mużika lokali.

Il-programm se jinkludi, fost l-oħrajn, il-kantanta rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2024, Karei, li ħarġet rebbieħa b’kanzunetta Nistħajlek Hawn. Min-naħa l-oħra, Eliana Gomez Blanco, li rebħet l-edizzjoni tal-2023 bil-kanzunetta Kannizzata se tkun ukoll preżenti. Ishmael Grech u Enya Magri, li ġew fl-ewwel tliet postijiet fl-2024 u fl-2023 se jkun fost il-kantant preżenti.

Jingħaqad magħhom il-veteran Mike Spiteri li żgur m'għandu bżonn ta' ebda introduzzjoni. L-2024 kienet speċjali għal Ramires Sciberras meta ġie magħżul bħala r-rappreżentant għall-Junior Eurovision permezz tal-kanzunetta Stilla Ċkejkna li wkoll se jkun preżenti wkoll f’dan il-programm, biex jirrappreżenta l-ġenerazzjoni l-ġdida tal-kantanti Maltin.

Il-programm se jkun imexxi minn Dylon Brignano u Lisa Spiteri, li se joffru tagħrif interessanti dwar kull kantant u jilagħbu magħhom logħob divertenti, kif ukoll nisimgħu esibizzjonijiet tal-kanzunetti ta' dawn il-kantanti.

Se jkun programm mimli emozzjonijiet u mużika ta’ kwalità. Se jkun programm tajjeb għall-familji u l-ħbieb biex flimkien igawdu t-talenti lokali u joħolqu memorji sbieħ. Dan il-programm se jixxandar fuq NET TV, u hu ċertament opportunità li ma titlifx.


Emil Calleja Bayliss