Il-pożittività hija importanti għal din is-sena l-ġdida, speċjalment wara s-sena li għaddiet. Minkejja l-inċertezzi li ġġib magħha, aħna għandna nibqaw dejjem pożittivi, kif qed jagħmlu dawn il-kantanti wara kollox. Ara x’kellhom x’jgħidulna.
Kantera ħa jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetta L-Ewwel Jien fuq mużika ta' Elton Zarb u kliem ta' Joe Julian Farrugia.
Kantera qalulna, "Hu minnu li l-2020 kienet sena diffiċli għal kulħadd però tatna wkoll iċ-ċans biex nwettqu l-ħolma li kellna - Kantera. Għas-sena 2021 għandna diversi pjanijiet biex inkomplu nibnu fuq dak li bdejna."
Huma komplew jgħidulna, "Inħarsu 'l quddiem għal launch tal-band u l-ewwel album b'kanzunetti oriġinali tal-band b'lirika Maltija u mużika b'ġeneru folk tradizzjonali Malti mħallat ma' dak modern. Ċertament ħerqana wkoll għat-tkomplija tal-esperjenza fil-festival ta' Mużika Mużika - pjattaforma importanti għall-kanzunetta u l-kultura Maltija."
Il-kantawtur Mark Spiteri Lucas ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Lil Binti.
Mark jistqarr, "Is-sena 2020 kienet ikkaratterizzata mill-Pandemija tal-Covid 19. Forsi għexna mumenti ta' ansjetà jew mumenti ta' dieqa. Però żgur li din is-sena għalmitna kemm is-saħħa hija prezzjuża u kemm l-ogħna affarijiet tal-ħajja huma l-iktar affarijiet sempiliċi."
Hu jkompli jgħid, "Nittama li l-2021 tkun aħjar f'terminu ta' iktar liberta’ ta' x'nistgħu u x'ma nistgħux nagħmlu. Għandi bosta aspettattivi imma nħobb nimxi pass pass u nara kif se jiżvolgu l-affarijiet qabel ma naġixxi. Żgur li se nkun qed naħdem (dejjem jekk tirritorna n-normalità) fuq aktar proġetti mużikali li ma stajtx inwettaq minħabba l-Covid."
Il-kantawtur AIDAN ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Naħseb Fik.
AIDAN jgħidilna, "Għalija is-sena 2020 fil-mużika kienet waħda pożittiva, bl-aħħar single tiegħi 'Somebody Like You' tilħaq il-quċċata tal-klassifiċi lokali u tagħmilha bħala l-aktar kanzunetta li qed tindaqq f’pajjiżna, fost avvenimenti oħra…"
Hu jtenni, "Proprju dan il-proġett, Mużika Mużika - il-Festival Kanzunetta Maltija, ser ikun wieħed mill-ewwel proġetti ewlenin għas-sena d-dieħla għalija bħala artist... u għall-ewwel darba ser inkun qed noħroġ materjal bil-Malti."
Miguel Bonello ħa jkunt qed jinterpreta l-kanzunetta Sinfonija Ħiemda fuq mużika ta' Aldo u Bradley Spiteri bi kliem ta' Joe Julian Farrugia.
Miguel jistqarr, "Bħal dan iż-żmien sena żgur li ħadd ma bassar minn xiex konna se ngħaddu għaliex jien l-ewwel wieħed kont persważ li kienet se tkun waħda minn l-isbaħ snin ta’ ħajti."
Hu ottimist, "Jien qed inħares lejn il-futur b’lenti pożittiva u għalhekk nixtieq li s-sena dieħla jkolli aktar ħin biex naħdem fuq materjal ġdid fejn tidħol mużika, kif ukoll niffoka fuq l-iskola ħalli nġib il-marki li għandi bżonn biex nidħol l-Università. Dak li l-pandemija ma ħallitnix nagħmel, jien se nuża l-enerġija kollha biex il-pjanijiet li għandi narahom jitwettqu għal din is-sena."
Il-kantawtur Ryan Grech ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Ta' Ftit Kliem.
Ryan jgħid, "Għas-sena 2021, għadni ninsab kemmxejn xettiku dwar aspetti differenti tal-ħajja u jkolli nistqarr li is-sensazzjoni ta’ inċertezza ma nistax inwarrabha minn moħħi. Għalhekk qiegħed nipprova nevita li nagħmel pjanijiet kbar jew fit-tul, bħal xi btala illi ilni tant nixtieq li nagħmel."
Hu jkompli jistqarr, "Madanakollu, l-akbar xewqa li għandi hi illi naħdem kemm niflaħ biex ngħaqqad kollezzjoni mużikali, f’forma ta’ album, bil-mużika u l-kanzunetti li ktibt, sabiex ikunu jistgħu jiġu apprezzati b’mogħod aktar regolari, u b’hekk inkun nista’ ngħid illi lħaqt mira oħra li kelli nilħaq sakemm nagħlaq it-tletin."ħ
Segwu l-aħħar artiklu li għandna minn din is-serje dalwaqt!Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' Mużika Mużika billi tagħfas HAWN.