Ħafna jsibuh bħalha Peter taċ-ċrieket, ilu ma jidher daqsxejn fuq it-televiżjoni imma dan ma jfissirx li Peter waqaf mix-xena li tant iħobb. Hu kien il-mistieden ta' Daniel u Dulcima fuq il-programm Be Our Guest, li jixxandar fuq NET TV kull nhar ta' Sibt fit-15:05.
Barra li spiċċa jsajjar ma' Daniel, Peter ġie intervistat minn Dulcima fejn spjega minn fejn beda kollox. Ftit forsi jafu imma Peter gradwat bħala għalliem, jistqarr li għalkemm kien dejjem miġbud lejn l-arti tad-drama spiċċa għamel kors l-iktar viċin ta' dan, għax dak iż-żmien ma kienx hawn daqstant korsijiet offruti.
Missieru dejjem tambarlu li importanti li jġib l-ewwel degree imbagħad jagħmel li jrid. Hu hekk għamel u ma ddispjaċihx għalkemm jistqarr li mhux darba jew tnejn sab ruħu Londra sabiex jagħmel xi ħaġa relatata mat-teatru f'dawk il-ħames snin tal-kors. Hu jgħid li mhux l-ewwel darba li: "kont norqod mal-art... ġo post tal-ħbieb tiegħi..."
Minn wara l-kors, Peter irnexxielu jidħol ġo waħda mill-aqwa skejjel fl-Italja għad-drama fejn kellu ċans jaħdem ma' uħud mill-aqwa nies fl-industrija u wara li spiċċa l-kors għamel numru ta' snin jaħdem hemm qabel irritorna lura f'pajjiżna.
Meta mistoqsi jekk iħobbx jidher, Peter wieġeb mill-ewwel: "Le, ma nħobbx nidher. In-nies jaħsbu li nħobb nidher" u jistqarr li jekk ikollu għażla jippreferi jidderiġi milli jirreċta. Forsi xi ħaġa li n-nies issibuha stramba imma dax-xogħol jagħtih sodifazzjon!
Kull min jaf lil Peter jikkumenta fuq il-qalb tajba tiegħu u punt li spikka fl-intervista ma' Dulcima kien meta qal: "Jien jinkwetani d-dwejjaq ta’ ħaddieħor meta ma nista’ nagħmel xejn dwaru." Jgħid li b'mod egoist jgħid hekk imma messaġġ hekk juri kemm għandu qalbu kbira.