Matul l-erbatax-il episodju tal-programm l-Inspjegabbli li jixxandar fuq TVM+ kull nhar ta’ Tlieta fil-17:15 ser nitkellmu dwar persuni b’abiltajiet straordinarji. Dan se jkun l-aħħar episodju għas-sena 2024. Immaġina li inti bħala bniedem għandek l-abbilità li tiftakar kollox f’dettal, li taħdem somom f’kemm trodd salib u għandek saħħa fiżika superjuri minn dik ta’ bniedem normali.
Quddiem dan ix-xenarju n-nies b’abiltajiet komuni se jħarsu lejk bħala persuna li għandek abiltajiet fiżiċi u mentali straordinarji. Imma wieħed jistaqsi, bniedem jitwieled b’dawn l-abiltajiet straordinarji jew dawn l-abiltajiet persuna jiżvilluphom matul it-traġitt ta’ ħajtu? X’rabta teżisti bejn l-istat mentali tal-bniedem u dawn l-abiltajiet straordinarji?
Il-mistieden magħna fil-panel se jkun it-tabib Dr Josie Muscat. Magħna fil-panel se jkollna wkoll fost oħrajn lil Mr Cool u lil Tony the Strongman. Il-programm l-Inspjegabbli jkun ripetut il-Ħamis fil-23:15 fuq TVM+, il-Ġimgħa fil-23:00 fuq TVM u l-Ħadd fis-19:15 fuq TVM+.
Tistgħu wkoll issegwu programmi li diġa’ xxanddru billi tidħlu f’din il-ħolqa: https://tvmi.mt/series/967. L-Inspjegabbli huwa preżentat minn Kevin Mercieca, li jieħu ħsieb ukoll il-produzzjoni, mgħejjun minn Kurt Pawley u Jonathan Farrugia. Produzzjoni Eżekuttiva ta’ Flash Productions.