Mużika Mużika hi waħda mill-akbar esperjenzi mużikali għall-kantanta żagħżugħa Kelly Marie Cassar Hili,  hekk kif hi waħda mill-parteċipanti li għaddew. Kelly kellmitna dwar il-kanzunetta tagħha, dwar il-karriera, il-mużika f'ħajjitha kif ukoll dawk il-persuni importanti f'ħajjitha li ċertament qed tagħmilhom kburin biha.

Għal ħafna nies  il-kantanta ta’ 20 sena hi pjuttost ġdida fix-xena tal-festival, iżda kif tgħidilna hi stess in-namra għall-mużika, l-ispettaklu u l-palk kważi minn dejjem hemm kienet. Ta’ 9 snin Kelly esperjenzat palk mimli mużiċisti, fejn ħadet sehem kemm-il darba bħala kitarrista waqt il-kunċert Strummin'

“Bqajt intiża fil-mużika sakemm ġietni l-opportunità li nikkomponi daqsxejn ta’ mużika għalija u li waslitni għal dan il-festival spettakolari.” Kelly tgħidilna dwar x’taħseb mill-element kompetittiv ġo festival. 

 gf

“Fix-xena tal-mużika jkun hemm element ta’ kompetizzjoni, u ovvjament f’dan il-festival ser ikun hemm diska rebbieħa waħda. Biss is-sens ta' kompetizzjoni jgħinek ittejjeb lilek innifsek u taħdem biex tasal f'livelli aktar għoljin.” 

Kelly tinsab ħerqana biex titla’ fuq palk daqshekk kbir ta’ festival prestiġjuż, u “ħerqana wkoll sabiex nisma’ l-orkestra u finalment l-arranġamenti orkestrali tal-kanzunetta, u sabiex inkanta mal-kantant/a veteran/a, li għalissa ser jibqa’ sigriet.  

Kelly tgħidilna li l-familja u l-ħbieb tagħha jkunu minn tal-ewwel biex jappoġġjawha fil-karriera tagħha. Issemmi lin-nannu, bħala l-persuna li dejjem tkun f’moħħha u f’qalbha malli tirfes fuq il-palk.

 gf

“Dejjem kien ikun preżenti għal kull avveniment li kont nieħu sehem fih. B'dik it-tbissima qalb il-folla, kien iqum bil-wieqfa iċapċap b'sens ta' kburija… ninsab ċerta li l-preżenza tiegħu ser tkun qalb il-folla u miegħi fuq i- palk.

Kelly tkellimna dwar kif is-sentimenti waqt l-esperjenza ta’ Mużika Mużika. “Qed inħares lejha b'ottimiżmu u anke li issa lħaqt livell ġdid fil-karriera tiegħi bħala mużiċista u kantanta. Eventwalment ser nitgħallem u nikber fiha ukoll bit-tama li 'l quddiem nagħmel pass ikbar f’din l-industrija li dejjem qiegħda tikber.” 

Il-kantanta hi wkoll il-kompożitriċi tal-kanzunetta Idek f’Idi. “Il-kanzunetta titratta vjaġġ ta' mħabba bejn żewġ persuni fejn ir-relazzjoni ta' dawn, għalkemm waqfet, xorta ħalliet tama li xi darba terġa’ titkompla.” 

Tkellimna dwar l-ispirazzjoni warajha. “Ġejt ispirata minn vjaġġ ta' żewġt iħbieb u għalhekk ħadna deċiżjoni li nħarbxu din l-istorja u ngħaqqaduha f'kanzunetta flimkien mat-tim tiegħi.” 

“Bħala mużika qbadt il-kitarra fl-istudjo u bdejt inħarbex xi noti li ħassejt illi jaqblu mal-lirika. Tibda tibni biċċa, biċċa bil-għajnuna ta' sħabi fl-istudjo sakemm il-kanzunetta tibda tieħu l-ħajja bil-melodija b'kollox.”

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb