Il-preżentatriċi Pauline Agius kitbet fuq il-paġna soċjali ta' Facebook biex tesprimi d-dieqa tat-telfa ta' Mariel Galea Vella. Pauline qasmet l-esperjenza ta' meta Mariel xtratilha kopja tal-Gwida ta' meta Pauline kienet tinsab fuq il-faċċata tal-magazin tagħna.

Pauline kienet xeħtet status tgħid li ma tistax issib tixtri kopja u Mariel, ta' mara b'qalb tajba xtratilha kopja u għadditilha! Pauline tistqarr li tinsab taħt xokk u bla kliem b'din l-aħbar! Mariel ġiet nieqsa lbieraħ u dawk midħla sew tad-dinja tal-irtokk u t-televiżjoni forsi jafu b'Mariel ukoll għax mhux l-ewwel darba li kienet tippreżenta fuq Xejk TV jew waqt xi maratoni.

Ritratt: Facebook / Mariel Galea Vella

Pauline kitbet li ma' din l-aħbar kerha, skopriet bil-ġest sabiħ li għamlet Mariel wara mewtha. L-organi tagħha għaddiethom donazzjoni lil dawk li għandhom bżonn. Pauline mill-ġdid tfaħħar lil Mariel għar-ruħ sabiħa li kellha u tgħid li ħa tibqa' tgħożż il-kopja tal-Gwida li kienet għadditilha bħala tifkira ta' kemm kienet mara sabiħa.

Aħna f'isem Gwida.mt nsellmu l-memorja ta' Mariel Galea Vella u nirringrazzjawha wkoll f'isem it-tim tagħna, li għenet lil Pauline sabiex issib kopja tar-rivista fejn hi kienet fuq il-faċċata. Insellmu l-memorja sabiħa ta' Mariel u ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lil familjari, qraba u ħbieb ta' Mariel.


Emil Calleja Bayliss