Pamela Bezzina kienet mistiedna fuq Manicolo & Co fejn qasmet storja umoruża dwar aċċident li kellha darba waqt li kienet qed tidderiġi orkestra.
Hi qalet, “Jiena qiegħda fuq pjattaforma vera żgħira diġa ristretta ħafna bl-ispazju. Insomma jiena nagħmel ħafna mossi b’idi anke nidderiġi, u vera nidħol fiha... indawwar idejja lura, ikun hawn leġija tal-injam minn dawk il-kbar u ntih daqqa, jaqa’ fuq il-leġiju tal-arpa u l-arpista... Ejja ngħidu li l-arpa tiswa ħafna eluf ta’ flus. Jien dak il-ħin sirt ħamra nar.”
Hi wriet mossa ta’ kif baqgħu in-nies tal-kor bil-qatgħa u kif ukoll spjegat li minkejja l-qatgħa li kellhom fuqhom, huma komplew jippruvaw ikantaw.
“Jien inżilt mal-art nipprova niġbor il-leġija, sadanittant għadni qed nidderiġi,” kompliet tgħid b’daħka.
Hi ammettiet li dak il-ħin l-arpista kienet kemmxejn irrabjata magħha, filwaqt li minn moħha beda għaddej kemm se jkollha bżonn taħdem biex tħallas lura ta’ xi nkiser. Issa li għadda ż-żmien hi tista’ tidħak dwarha din l-istorja u għalhekk qasmitha mas-segwaċi ta’ Manicolo & Co biex kulħadd jitbissem xi ftit.
Facebook / Manicolo &Co