Il-kontinġent Malti jinsab fi triqtu lejn Malta skont Alison Gomez Blanco, omm Eliana Gomez Blanco li lbieraħ kienet qed tkanta f'isem Malta l-kanzunetta We Are More. Sfortunatament, ir-riżultat tal-bieraħ kien wieħed diżapuntanti. Malta spiċċat fil-qiegħ tal-klassifika għat-tieni darba f'kemm ilna nieħdu sehem. Dan kien seħħ lura fl-2005 bil-kanzunetta Make It Right ta' Thea Saliba.
We Are More b'kitba ta' Rachel Sutter, Jonas Thander, Joe Julian Farrugia and Kevin Lee spiċċat ta' qabel tal-aħħar kemm mal-ġurija, kif ukoll fil-vot tal-pubbliku bir-riżultat aħħari jkun dak ta' 19-il post. Ħafna kienu dawk li esprimew id-diżappunt tagħhom għar-riżultat Malti, u jekk wieħed isegwi ftit il-kummenti fuq il-filmat jara kemm hemm barranin li kienu sorpriżi li Malta spiċċat daqshekk l-isfel.
Bosta segwaċi tal-festival, kemm lokali u kemm barranin qed isejħu għal bidla fis-sistema ta' kif jinħadem il-vot tal-pubbliku. Dan għaliex pajjiżi kbar jew pajjiżi li għandhom ħafna segwaċi dejjem ħa jkollhom vantaġġ fuq pajjiżi żgħar bħal Malta u Wales. Il-fatt li wieħed jista' jivvota għal pajjiżu stess ma tantx tgħin. Milli jidher, f'ċifri mhux uffiċjali jidher li ġewwa l-Polonja rawh aktar minn 7 miljuni. Il-fatt li l-pajjiż kien qed jospita dan l-ispettaklu żgur li għen.
Omm Eliana, ħalliet messaġġ mill-isbaħ lil bintha: "Fi triqtna lura għal Malta. Binti, kemm jien kburija bik u bil-performance li tajt u ninsab ċerta li anke l-Maltin kburin bik bil-performance tiegħek. Għamilt ħiltek kollha u ma stajtx tagħmel ahjar però imbagħad ir-riżultat finali ma kienx jiddependi minnek. Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd tas-sapport kbir li tajtuna minn qabel, kif ukoll wara."
Omm it-tfajla kompli tgħid: "Napprezzaw immens kull kumment u skużawni jekk għadni ma rrispondejtx lil kulħadd. Kellna kummenti pożittivi ferm speċjalment fuq il-performance tal-bierah fejn ħafna u ħafna barranin ma jistgħux jemmnu dan ir-riżultat. Grazzi kbira lil PBS li emmnu fiha speċjalment lil Doreen Cortis, Charles Dalli u ċ-chairman Mr Portughese."
Tagħlaq billi tgħid: "Grazzi kbira lil vocal coach Danica Muscat li ħadet paċenzja kbira u li għamilna ġimgħa tal-ġenn flimkien. Grazzi kbira tmur lil Antonio Muscat l-istilista tal-ġenn ta' Eliana li ħa ħsieb id-dehra tagħha u speċjalment ninsabu kuntenti mmens tal-libsa li ħloqtilha għal fuq il palk. Grazzi kbira lill-ħajjata Doris Desira u grazzi kbira lil familjari kollha u ħbieb li telgħu il-Polonja jissapportjawna. Grazzi mill-qalb."
Il-kantanta Maltija mistennija tidħol Malta għal ħabta ta' 12:45! Ċertament din kienet esperjenza li qatt mhi ħa tinsa, atmosfera inkredibbli u ċ-ċans li tiltaqa' ma tant nies differenti u tkun parti minn spettaklu internazzjonali li rawh miljun ta' nies. Opportunità li kantant żagħżugħ għandu ċ-ċans jgħix biss, permezz ta' dan il-festival prestiġġjuż. 'Il bogħod mir-riżultat, l-esperjenzi nnifisha hi ġa rebħa!