Il-lejla maġika ta' Notte Bianca ġewwa l-Belt Valletta tinsab wara l-bieb, fil-5 ta' Ottubru l-belt kapitali ħa tieħu nifs ġdid, is-slogan ta' din is-sena hu xhieda ta' dan u aktar: "Fejn l-arti tagħti ħajja lill-belt."

Jekk issoltu ma tkunx ċert x'ħa tagħmel jew forsi taqta' qalbek milli tmur għax ma tkunx taf eżatt fejn ħa tmur b'dawn is-seba' rotot m'għandekx ikollok għalfejn toqgħod taħsibha darba jew darbtejn. Qed nimmaġina qed isaqsi lilek innifsek, liema rotta għandek tieħu?

Ir-Rotta tat-Teatru

X'ħa ssib hawn? Buffi, maġija, teatru improvizzat u anke kummiedja dwar tifla li ressquha l-qorti għax bdiet tistona! Dan il-musical se jittella’ fl-awli tal-qorti.

Ir-Rotta Klassika

Hawn wieħed ħa jmur fuq vjaġġ mużikali li fost oħrajn se jinkludi lill-Orkestra taż-Żgħażagħ ta' Malta (MYO), b'kollaborazzjoni mal-Valletta Cultural Agency, it-tenur Cliff Zammit Stevens, il-mezzo-sopran Clare Ghigo, il-kantanta Jasmine Abela, u kunċert tal-orgni mill-Maestro tal-Vatikan Gianluca Libertucci ġewwa l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Ir-Rotta tal-Mużika

Din probabbli ħa tkun popolari mmens għax tinkludi spettakli minn Owen Luellen, Skald, Sterjotipi, Amber, Vinyl Paradise, JJoy u Christina Novelli. Iva, Christina Novelli! Sewwa qrajtu!

Ir-Rotta Tal-Installazzjonijiet

Din ħa tieħu l-ħajja fit-taraġ ta’ Bieb il-Belt, fil-Forti Sant’Iermu u Pjazza de Vallette fejn wieħed ser issib spettaklu tad-dwal u preżentazzjonijiet artistiċi ta’ ikel, artiġjanat u letteratura.

Ir-Rotta tat-Tfal

It-tim ta' Żigużajg se jlaqqgħek ma’ storja ta’ ħbiberija mhux tas-soltu; logħob interattiv minn Alka Ceramics li jindirizza s-suġġett tan-nar; l-istorja tal-Bibljoteka Nazzjonali permezz tal-maġija; musical dwar kif it-tfal iħarsu lejn il-futur; u vjaġġ maġiku fuq xarabank Malti b’karattri mill-folklor Malti. Interessanti din! L-adulti ħa jieħdu gost daqs it-tfal jekk mhux aktar!

Fir-Rotta taż-Żfin

Cheryl Lofreda se tippreżenta koreografija għad-diski alternattivi ta’ Sam Christie; Żugraga Dance se jinterpretaw kwistjonijiet ambjentali; Moveo se jippreżentaw interazzjoni armonika fost strutturi, dwal u mużika; ŻfinMalta se jesploraw l-għaqda b’rispons għat-traffikar tal-bnedmin; u Elise Ellul se tindirizza l-identità permezz ta’ korjografija li titerpreta l-inklużjoni u l-esklużjoni soċjali.

Ir-Rotta l-Ħamra

Din tajba għall-adulti! Fil-MUŻA, xelter tal-gwerra se jiġi ttrasformat f’cabaret għall-folol li qed jaħarbu l-bombi, filwaqt li ‘99 Strait Street, 6 Balconies, 6 Girls’ se jġib ftit nostalġija għaż-żminijiet imqarbin ta’ Strada Stretta permezz tal-burlesque.

F’Lejla Tango Caroline Borg se tippreżenta spettaklu ta’ tango mill-Maestros li se jiżfnu għall-mużika live. Gwilym Bugeja se jagħmel parodija dwar il-maġija, filwaqt li Steve Hili se jdaħħakna tnejn flimkien ma' James Ryder u Malcolm Galea.

Impossibli f'dan il-programm ma ssibx xi ħaġa li tgħodd għalik, għal sħabek u għal familtek! Notte Bianca se sseħħ nhar is-Sibt 5 t’ Ottubru madwar il-Belt Valletta, u d-dħul għall-avvenimenti kollha huwa b’xejn.

Għal aktar tagħrif u biex tippjana bil-quddiem bl-użu tal-Mappa Interattiva ta’ Notte Bianca, żur www.festivals.mt/nottebianca.


Emil Calleja Bayliss