Tkellimna mal-preżentatur u DJ lokali Pierre Cordina rigward il-Milied u diversi karatteristiċi li jdaħħluh fl-atmosfera u fl-ispirtu ta' dawn iż-żminijiet. Skoprejna wkoll waħda mill-aktar affarijiet li jgħinuh jidħol fl-ispirtu, u li żgur jieħu gost bihom. U xi tkun ir-reazzjoni tiegħu jekk jirċievi rigal li ma jogħġbux daqshekk?

Xi jdaħħlek l-iktar fl-ispirtu tal-Milied?

L-aktar ħaġa li ddaħħalni fl-ispirtu tal-Milied hu t-tiżjin fid-dar tiegħi. L-hena tiegħi nsib il-ħin biex narma minn kmieni d-dar u nibdew jiem ta' stennija għat-twelid ta’ Ġesù Bambin. Ikolli nistqarr ukoll li aktar nidħol fl-ispirtu tal-Milied meta xi ħadd iġibli l-famużi Mince Pies, li jinżlu għasel matul dan iż-żmien!

Il-lirika l-aktar favorita tiegħek minn kanzunetta tal-Milied? Xi tfisser għalik?

L-aktar diska li togħġobni tal-Milied hi ta' Celine Dion – The Magic of Christmas – Tfakkarni ħafna fil-familja u l-lirika li togħġobni ħafna hi "God Bless us Everyone, the good and the bad, the happy and the sad

Liema kanzunetta tal-Milied tiddeskrivik l-iktar, u għaliex?

Celine Dion – The Magic of Christmas – għax titkellem fuq il-fatt li wieħed igawdi l-familja u l-ħbieb matul dan iż-żmien tas-sena, meta forsi ssoltu wieħed ma jkollux il-ħin.

gf

Xi tfisser għal Pierre il-festa tal-Milied?

Hu żmien li wieħed jieqaf mill-ħajja mgħaġġla jiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù Bambin, u fl-istess ħin jirringrazzja lil Alla ta' kull don li għandu.

L-isbaħ memorja mit-tfulija li għandek għal żmien il-Milied?

L-isbaħ memorji huma tal-ikla tal-Milied u ta' meta missieri kien jieħu pjaċir jara l-presepji f’diversi rħula Maltin.

Qatt ġratlek s’issa li rċevejt rigal u m’għoġbokx? X’għamilt jew x' tagħmel kieku?

Ġieli tirċievi rigal u tistaqsi 'imma dan x’sippost nagħmel bih?' Però dejjem napprezza kull rigal li jingħatali, dak hu fatt. Forsi l-aktar ħaġa li ma toġgħobnix bhala rigal hi fwieħa, għax inħoss li dik hi xi ħaġa personali li jekk il-persuna ma tkunx taf x’riħa togħġbok, diffiċli biex tgawdiha mbagħad.

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Nixtieq nawgura lil kulħadd Milied hieni mal-għeżież tagħhom fejn iċ-ċentru tal-Milied ma għandux ikun ir-rigali jew il-ħafna ikel, però t-twelid ta’ Ġesù Bambin, li ġie fid-dinja tagħna biex ilkoll kemm aħna nkomplu nħobbu u nirrispettaw lil xulxin.

Grazzi kbira lil Pierre tal-ħin tiegħu għal din l-intervista. Minn qalbna nawguraw lilu u lill-familja kollha l-isbaħ xewqat!


Kyle Zarb