Meta tkellimna ma' Eric Grech dwar il-karriera tiegħu ta' infermier, stajna naraw l-imħabba u l-passjoni onesta li għandu għal xogħlu.

Hi professjoni li ġġib magħha jiem fejn tħossok bla saħħa u jridu jkunu dawk l-avvenimenti sodisfaċenti li jġegħluk taqa' u terġa' tqum. Eric jispjegalna li ma kinitx faċli daqs kemm wieħed seta' jaħseb biex daħal infermier: "Qatt ma bsart li ser nidħol infermier u meta dħalt nistqarr li ommi u missieri kienu għamluli oppożizzjoni kbira. Imma kif bdejt dan ix-xogħol qatt ma ħarist lura". 

Qalilna li ċertu mumenti jibqa' jiftakarhom għar-raġuni li fihom jara r-rieda li kellu li dejjem jgħin lill-proxxmu. "Il-karriera ta' infermier bdiet minn ċkuniti, meta kont inbiddel il-feriti ta' l-għekiesi ta' ziti bil-mod u ġentilezza liema bħalha u kont ngħoxa ma nweġġagħhiex u naraha kuntenta". 

Isemmielna l-iktar parti minn xogħolu li tqawwilu qalbu - dik fejn jieħu ħsieb lill-vulnerabbli, l-aktar dawk anzjani. "Għandi ghal qalbi ħafna pazjenti anzjani. Kieku nista' ntellagħom fuq pedestal intellagħhom. Inħoss għafsa ta' qalb kbira meta jiġu abbandunati. Għalija dawn huma l-informazzjoni li l-ebda search-engine mhu ħa tfhemek fid-dettall jew b'passjoni".

Jispiċċa dan id-diskors billi jiddedika messaġġ lis-segwaċi kollha tiegħu. "M'hinix perfett, imma perfezzjonista. Ma nħobbx nistudja, imma li nikkommetti ruħi. Inħobb nara n-nies jidħku, imma minn ta' quddiem għall-imġarrab. Tgħallimt li l-kelma 'skużani' iġġib bilanċ f'ħajti, insellmilkom ħbieb". Eric, int tassew bniedem li ma tistax ma tammirakx. Nirringrazzjawh talli qasam dawn il-ħsibijiet magħna!

Facebook/ Eric Grech


Kyle Zarb