Claudia, ħafna jafuk fil-Malta Eurovision Song Contest. L-aħħar li rajniek bħala mistiedna speċjali fl-2018, wara li fl-2017 irbaħt bil-kanzunetta Breathlessly. Wara l-festival kont daqsxejn kwieta fix-xena mużikali, mill-att ta’ kanzunetti oriġinali. X’sar min Claudia minn dak iż-żmien ’l hawn?

Eżatt wara li ġejt lura mill-Ukranija, kelli bżonn waqfa qasira biex hekk inlaħħaq ma affarijiet oħra li mhux relatati mal-mużika, kif ukoll bdejt kors l-università fuq edukazzjoni inklussiva. Però, xorta waħda bqajt indoqq mal-mużiċisti tiegħi kif ukoll nikteb xi diska ‘l hawn u ‘l hemm meta nsib l-opportunità. Filfatt fix-xhar li ġej ħa nkun qed noħroġ diska ġdida miktuba minni.

Claudia, naf li għadek ġejja minn ġewwa l-Moldova. Kif kienet l-esperjenza tiegħek f’dan l-avveniment? Kif kienet il-mawra flimkien mal-kantanta Kaya. Inżiltu lura b’rebħa storika għal Malta.

Dawn l-avvenimenti dejjem nieħu pjaċir nidħol għalihom għaliex lil hinn mill-fatt li hija kompetizzjoni, nieħu pjaċir li niltaqa’ ma’ ħafna mużiċisti barranin. Letteralment minn pajjizi varji fid-dinja però bl-istess imħabba kbira għal mużika. Bla dubju ta’ xejn il-Moldova ħa tkun memorja għal dejjem, filwaqt li nirringrazzja lil ħabiba tiegħi Priscilla Psaila (Kaya) talli tagħtni din l-opportunità, nista’ ngħid li l-Maltin maħbubin u apprezzati għas-serjetà u għall-passjoni li nuru lejn il-mużika inġenerali. Il-Moldova tagħtni mhux biss premju iżda esperjenza li ha nibqa’ ngħożż.

View this post on Instagram

A post shared by Claudia Faniello (@claudiafaniello) on

Ma nistax ma nsemmilekx il-Eurovision Song Contest ġewwa l-Ukranija. Naf fiċ-ċert li għandek ħafna memorji minn dan l-avveniment. X’inhi dik il-ħaġa li tibqa’ f’moħħok l-aktar dwar din l-esperjenza? Hemm ċans li lil Claudia nerġgħu narawha f’dal-konkors?

Bla dubju ta’ xejn l-iktar mument li baqa’ impress f'moħħi, hija proprju l-prestazzjoni tiegħi u dawk il-mumenti ta’ qabel ma tlajt fuq il-palk. Bħalma ħafna jafu kont ilni nistinka biex nitla’ u l-fatt li kont hemm kien mument pjuttost indimentikabbli. Esperjenza li nittama li jgħixu kull min jaspira li xi darba jmur. Jekk ikolli diska li vera nemmen fiha, ma nidejjaqx nerġa’ nidħol, huwa festival li jekk tgħixu pożittivament, jista’ jtik ħafna lura.

Qabel erġajt lura għal Malta Eurovision, ħriġt sensiela ta’ kanzunetti miktubin mill-pinna tiegħek. X’kienet ir-raġuni li ma ddeċidejtx li tikkompeti b’kanzunetta oriġinali tiegħek stess?

Ir-raġuni kienet għax ma kellix moħħ li nidħol għall-kompetizzjoni, filfatt kont ilni nieqsa minn meta kantajt When It’s Time, diska li kelli sehem fil-kitba tagħha. Għaldaqstant meta Philip Vella semmgħali Breathlessly, ħassejt illi din id-diska tfisser xi ħaġa għalija u hekk kien.

View this post on Instagram

A post shared by Claudia Faniello (@claudiafaniello) on

Il-kanzunetta Pure żgur tibqa’ waħda li daħlet fil-qlub tal-Maltin u ħafna jsostnu li għadha b’saħħtiha sal-ġurnata tal-lum. Aktar kmieni din is-sena, il-kanzunetta ġiet maħruġa fuq il-pjattaformi diġitali. X’kienet ir-raġuni wara din id-deċiżżjoni?

Ir-raġuni hija proprju ħafna kienu qegħdin jistaqsuni kif ma kinitx aċċessibli fuq il-pjattaformi kollha għalhekk ħassejna li huwa l-mument opportun sabiex noħorġuha.

Fl-edizzjoni li għaddiet ta’ X Factor Malta, rajniek fi rwol ieħor – dak tal-bint li qed tissaportja lil ommha f’din il-kompetizzjoni. Ommok qalitha ċara li kont int il-moħħ li ġenintha għal din l-esperjenza. Xi tgħidilna dwar dan?

Kienu mumenti ta’ attakki tal-qalb u qtugħ ta’ nifs għaliex ommi ma kellix esperjenza f'dan it tip ta’ avvenimenti, iżda jien dejjem emmint fit-talent tagħha u xtaqt li tesponih għal kumpliment tal-pubbliku. Fuq kollox xtaqt nuriha s-sapport tiegħi għas-snin kollha li ssagrifikat ruħha għalina. Esperjenza memorabbli għal familja kollha.

View this post on Instagram

A post shared by Claudia Faniello (@claudiafaniello) on

Ġejja minn familja mużikali nfatti rajniek ukoll tkanta ma’ ħuk Fabrizio l-kanzunetta ‘Jekk Hemm Tama’. Hemm ċans li xi darba fil-ġejjien qarib narawkhom f’xi kanzunetta oriġinali lkoll flimkien?

Bla dubju ta’ xejn, naf biċ-ċert li għad ikun hemm dan il-proġett għaliex ġieli ddiskutejnieh!

Tul il-karriera tiegħek ftit li xejn rajniek b’materjal oriġinali tiegħek bil-Malti però naf li l-lingwa Maltija għal qalbek ferm, tant li għamilt żmien ambaxxatriċi tal-qari. X’taħseb li kienet ir-raġuni wara dan il-fattur?

Ma naħsibx li qatt kien hemm raġuni partikolari ħlief għal fatt li nħossni iżjed komda inkanta bl-Ingliż għax imdorrija f'dak l-ambjent filfatt kważi xejn ma nkanta bit-Taljan ukoll li hija lingwa għaldaqstant importanti għaliha. Però ma neskludix li fil-futur jaf nikteb b'waħda minn dawn il-lingwi tant għal qalbi.

View this post on Instagram

A post shared by Claudia Faniello (@claudiafaniello) on

Ħaġa li tidher ċara meta wieħed iżur il-profile ta’ instagram tiegħek hija li int waħda li tħobb is-safar. Xi jfisser għalik dan u hemm xi destinazzjonijiet favuriti tiegħek?

Is-safar huwa bieb għalina biex nikbru bħala persuni, speċjalment aħna li ġejjin minn gżira daqshekk zgħira. Inħobb inżur pajjiżi oħra għaliex inħoss li jżommuli saqajja mal-art, jgħallmuni kulturi ġodda, inħobb ħafna ikolli konversazzjonijiet twal man-nies tal -lokal. Apparti li naffaxxina ruħi bl-ambjenti differenti li jeżistu. Naħseb diffiċli nagħżel post wieħed għax kull post għandu l-karattru tiegħu.

Narawk bosta drabi mad-disinjatur tal-ħwejjeġ lokali Gaetano, kif ukoll fi sfilati li jorganizza. Gaetano nafu li kien wara ħafna mid-deheriet tiegħek f’dawn l-aħħar snin. Xi tfisser għalik din il-ħbiberija u kemm hu utli li tkun imdawra b’nies sinċieri fil-ħajja tiegħek?

Gaetano, bħalma ghidt tajjeb inti, huwa ħabib tal-qalb. Dan għaliex in-nies li jkunu madwari diffiċli li jibqgħu biss ta’ konessjoni fuq xoghol, tant inqattgħu ħin flimkien u esperjenzi li tiġi awtomatika illi l-ħbiberija u r-rispett jikbru. Jien u Gaetano għandna ħafna lealtà lejn xulxin u nsibu kompromess dejjem. Anki jekk ġejjin minn żewġ dinjiet pjuttost differenti u huwa proprju dak li jsaħħah il-kollaborazzjonijiet tagħna.

View this post on Instagram

A post shared by Claudia Faniello (@claudiafaniello) on

Nafu ukoll li dan l-aħħar kont qed tistudja. X’wassalek biex terġa’ tidħol fil-ħajja studenteska? Xi sfidi iltqajt magħhom?

Minn Mindy kont tifla dejjem xtaqt nistudja iżda l-mużika ħadet priorità fuq kollox però qatt ma eskludejt li nerġa’ nidħol fil-ħajja studenteska. Jien nemmen ħafna illi qatt mhu tard għal ċertu affarijiet u ma tantx naqta’ qalbi mill-isfidi! Anzi f’dan il-każ l-iktar sfida kbira kienet il-ħin biex inlaħħaq ma’ kollox. Il-bqija ħadt pjaċir immens nitgħallem tant li ħa nibda baċellerat fuq l-istess suġġett.

Illum il-ġurnata int LSE ġo skola sekondarja. Kif inhi l-esperjenza tiegħek fil-qasam tal-edukazzjoni u x’sodisfazzjon jagħtik dan ix-xogħol?

Inħobbu ħafna x-xogħol li nagħmel u ta’ spiss nirringrazzja l'Alla illi nibtitli din l-opportunità u ħadtha. It-tfal inħobbhom immens u hija emozzjoni kbira u importanti għalija illi tagħmel differenza fil-ħajja ta’ xi ħadd, mhux biss l-istudent imma l-familja in generali.

View this post on Instagram

A post shared by Claudia Faniello (@claudiafaniello) on

Claudia, dawk kollha li ilhom isegwuk fix-xena lokali jafu kemm għandek karattru perseveranti. X’parir tagħti lil dawk li forsi jaqtgħu qalbhom milli jagħmlu dawk li verament jixtiequ?

Ħajja waħda għandna mislufa lilna biex ngħixuha bl-aħjar mod possibli. Mhix ħajja faċli iżda hija ħajja sabiħa u għandna napprezzaw il-fatt illi anke bid-disfatti nitgħallmu naprezzaw u nistinkaw iżjed. Imbilli naqtgħu qalbna mhux ħa nitjiebu, allura x’hemm x’titlef milli tipprova taspira li tilħaq l-għanijiet tiegħek. Xejn! Nippreferi nasal fl-aħħar ta’ ħajti u ngħid, forsi ma rnexxejtx f’kollox però PRUVAJT! Kull esperjenza bla dubju ta’ xejn, tajba jew ħażina, tgħallmek.

Instagram / claudiafaniello


Emil Calleja Bayliss