Soraya tista’ tgħid li hi personalità maħbuba ferm magħkom il-qarrejja tagħna ta’ Gwida.mt. Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu magħha f’dawn il-jiem tal-festi u ddeċidejna li naqgħtu ftit il-kurżità ta’ xi jfisser eżatt il-Milied għaliha u kif tħejji għalih.

Jidher li dan hu żmien speċjali għal Soraya li tieħu gost bih u tħejji sew minn kmieni għal dawn il-festi. Il-Milied ta’ din is-sena huwa ftit differenti għaliha. Hi tispjega li ssoltu tkun vermen impenjata iżda din is-sena minħabba s-sitwazzjoni preżenti dan ma kienx possibbli.

Tħobb tarma għall-Milied u minn meta tibda tarma? Din is-sena bdejt qabel issoltu jew le?

Iva, inħobb narma ħafna, it-tiżjin tal-Milied dejjem kien tista’ tgħid ifisser il-qofol tal-Milied għalija. Normalment inżejjen fl-1 ta’ Diċembru imma iva, dis-sena bdejt xi gimgħa qabel, però xorta lestejt wara l-ewwel ta’ Diċembru għax żidt ħafna armar u xogħol fit-tiżjin. Dis-sena ma għandix provi tat-teatru jew ta’ xi pantomima minħabba l-Covid, allura kelli ċans biżżejjed.

Hawn min jgħid li x-xiri tar-rigal uġigħ ta’ ras. Taqbel jew tħobb tixtri r-rigali? Hemm xi ħadd li ssibha vera diffiċli biex tixtrilu rigal? Min?

Inħobb nixtri r-rigali iva, imma nippreferi jkolli idea ta x’jixtiequ! L-aktar rigal diffiċli dejjem ikun tan-nanna! Għandha kollox u mhux xi waħda vanituża.

Kieku kellek tirċievi rigal wieħed din is-sena xi jkun u għaliex?

Żgur li l-akbar rigal ikun kieku laħqet ħarġet il-vaċċin tal-Covid f’pajjiżna, u naħseb li dan mhux jien biss nixtiequ bħala rigal bħalissa. Għandi ġenn biex id-dinja tissetilja u nerġgħu nibdew bir-rutina tal-ħajja normali.

Kif inhuma differenti għalik dawn il-jiem din is-sena, minħabba l-pandemija preżenti? X’inhi l-aktar ħaġa li qed timmissja li ssoltu tagħmel?

Differenti ħafna, kemm bħala rutina, bħala xoghol u diversi affarijiet oħra. Eżempju mil-lat ta’ xogħol, bħalissa differenti għal kollox mis-soltu. Diċembru tal-aħħar 15-il sena li ilni bil-ħanut, kwiet wisq aktar, l-istess min naha ta’ attivitajiet,issoltu bħalissa jew provi gas down, jew nipprepara għal xi shows li jkun ser ikolli fi żmien il-festi.

Inkun qed nipprepara x’ser nilbes għall-festini eċċetra u l-aktar ħaġa li żgur ħa nimmissja hija dik il-btala f’Jannar wara xahar xogħol! Bħalissa ssoltu inkun qed naħseb fuqha u nipprepara għaliha.

Meta kont żgħira kont temmen fil-karattri maġiċi li jġib miegħu l-Milied?

Le, qatt ma kont nemmen li jeżistu, għalija kienu jfissru biss oġġett ieħor relatat mat-tiżjin. Qatt ma emmint li ser ikun il-Father Christmas li ser iġibli r-rigal taħt l-imħadda anzi niftakarni noqgħod għassa billejl taparsi rieqda sakemm nara min minn ommi jew missieri ser jiġi jixħetli xi ħaġa bil-moħbi.

Hi tagħlaq billi tgħid lis-segwaċi tagħna, "nawgura l-isbaħ xewqat lil kulħadd u ħafna saħħa, din is sena aktar u aktar!"


Emil Calleja Bayliss