Iddominat ix-xena lokali għal dawn l-aħħar snin, iżda wieħed jista' jgħid li dan il-lejl maġiku, 18-il sena ilu kien il-lejl li qaleb il-karriera ta' Ira ta' taħt fuq. It-tfajla ta' 20 sena kienet fuq il-palk tal-Eurovision f'isem pajjiżna u wara wirja mill-aqwa, pajjiżna spiċċa jiġġieled għall-premju finali.

Iżda dakinhar spiċċajna 12-il punt 'il bogħod fit-tieni post. F'dak il-mument wieħed jista' jgħid li twieldet stilla, still mhux biss minħabba r-riżultat imma Ira bdiet taħdem bla waqfien sabiex tibnu karriera.

Hi tħares lura lejn dak il-lejl maġiku, hi tgħid li għalkemm kellha biss 20 sena, "niftakar li ħassejt li din kienet l-akbar udjenza li qatt kont se nkanta għaliha, kelli 20 sena biss, imma ħassejtni kalma, komposta, preparata."

Hi tgħid li kienet innoċenti u ġdida fix-xena, ma kinitx taf ħażen u riedet biss li tkanta u n-nies ikunu jafu li Ira Losco teżisti. Losco tistqarr, "Xtaqt nagħmel lil pajjiżna kburi u kont naf li ħafna nies kellhom fiduċja fija u li ħafna tfal, il-ġenerazzjoni żagħżugħa f’Malta dak iż-żmien kienu tassew ħerqana għalija."

Ira tkompli, "Imma jien tant grata li dak il-lejl fetaħ daqstant bibien għalija u ħejja triq tiegħi għal dak li kellu jiġi. Naf li ma ridtx inkun kantant ta' darba li nkanta dik il-kanzunetta biss għall-bqija ta' ħajti. Xtaqt nikteb kanzunetti, album, ndoqq f'kunċerti, nkanta fuq palk internazzjonali, nikkollabora ma' artisti oħra u sempliċement ngħix il-mużika."

Ira tkompli l-messaġġ tagħha li kienet iffurtunata li ntaqgħet ma' nies li kellhom l-istess viżjoni tagħha. B'ċajta tgħid li xi ħadd qal li hi n-nanna tal-mużika Maltija, temmen li għadha ma waslitx f'dak l-istat imma tittama li meta tkun nanna ukoll tkun għadha għaddejja tagħmel il-mużika. Min jaf tkunx għadha tkanta 7th Wonder?

F'dan il-filmat riċenti tidher tkanta l-kanzunetta li tista' tgħid kienet il-bidu tal-karriera tagħha u l-istorja ta' suċċess ta' Ira Losco. Waħda mill-ftit okkażjonijiet li erġajna rajnieha tkanta din il-kanzunetta li kellha kliem ta' Gerard James Borg u mużika ta' Philip Vella.

Facebook / Ira Losco


Emil Calleja Bayliss