Gwida.mt tkellmet ma’ Nicole Brincat, kantanta żagħżugħa li rajnieha fl-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta. Din il-kantanta għadha kif nediet kanzunetta, flimkien ma’ kantant mill-Venezwela!

Il-kanzunetta, li ġġib l-isem ta’ Por Favor hija waħda allegruża, sajfija u li tagħti gost lil min jismagħha. Din il-kanzunetta bdiet tinħemha sitt xhur ilu, waqt li Nicole kienet qed tkanta u ltaqgħet ma’ Ishmael Valletta u Reuben Testa. Hemm iddeċidew li jikkolaboraw flimkien u hekk ġara, għax flimkien irnexxielhom joħorġu Por Favor!

Staqsejna lil Nicole kif iltaqgħet mal-kantant mill-Venezwela, Manu G u kif seħħet din il-kollaborazzjoni. Il-kantanta qalet, “ridna ndaħħlu artist ieħor, preferibbilment b’lingwa differenti ħalli nagħmlu l-kanzunetta iktar attraenti u nagħtuha spinta anke fuq livell internazzjonali.” Qaltilna li kienet hi li kkuntattjat lil Manu G, li mill-ewwel wera interess fil-proposta tagħha. Nicole qaltilna li din il-kanzunetta ntlaqgħet tajjeb ħafna ġewwa l-Venezwela u anke minn pajjiżi oħra. Fil-fatt qed tindaqq ukoll fuq ir-radju u t-televixin.

Nicole stqarret li l-esperjenza tagħha f’X Factor Malta kienet waħda pożittiva mmens u li minnha tgħallmet ħafna. Qaltilna li ħadmet ħafna fuq il-pariri li tawha l-ġurija sabiex ittejjeb il-prestazzjonijiet tagħha. L-esperjenza ta’ X Factor għenitha biex tagħmel iktar kuntatti ma’ diversi artisti, li kienu ta’ għajnuna għaliha għat-tnedija ta’ Por Favor.

View this post on Instagram

A post shared by NICOLE (@nicolebrincat23) on

Meta staqsejna lil Nicole dwar il-pjanijiet futuri, qalet li għalissa m’għandhiex pjan li terġa’ tipparteċipa f’X Factor. Qaltilna, “kelli ħafna kuntatti ġodda fuq il-midja soċjali biex nikkolabora ma’ artisti Maltin u anke barranin. Peress li Por Favor kienet esperjenza sabiħa ħafna, se nkompli naħdem biex nagħmel xi ħaġa oħra fuq din il-linja.” Filwaqt li t-tim ta’ Gwida.mt jifraħ lil Nicole Brincat għat-tnedija ta’ din il-kanzunetta, jixtiqilha aktar suċċessi fil-karriera tagħha.

Instagram / @nicolebrincat23


Yasmin Camilleri