Il-Milied ta' din is-sena differenti għal kulħadd! Ma ntqajniex daqstant mal-familji u l-ħbieb kif nagħmlu ssoltu f'dawn iż-żminijiet. Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu ftit ma' Kaya dwar il-Milied u l-festi ta' din is-sena.
Hi żvelat magħna fatti interessanti! Imma jidher li ħaġa li ġibditilna l-attenzjoni hi li l-ġirien tagħha għandhom il-kompetizzjoni għax donnu tkun minn tal-ewwel bit-tiżjin tal-Milied. Din is-sena x'għamlet eżatt?
Tħobb tarma għall-Milied u minn meta tibda tarma? Dinis-sena bdejt qabel issoltu jew le?
Il-Milied inħobbu ħafna, u nkun qed nistennieh għax l-hena tiegħi li narma d-dar, normalment nibda naħseb minn xi xahar qabel biex narma u dejjem inkun l-ewwel waħda mit-triq tagħna li narma. Din is-sena ħsibt xi ftit qabel biex narma minħabba li qed inkunu aktar id-dar u kelli ċans li narma bil-kwiet.
Hawn min jgħid li x-xiri tar-rigali uġigħ ta’ras. Taqbel jew tħobb tixtri r-rigali? Hemm xi ħadd li ssibha vera diffiċli biex tixtrilu rigal? Min?
Jiena x-xiri nħobbu wisq, tista’ ssejjaħli fanatika meta noħroġ bilfors irrid nixtri xi ħaġa għax inkella ma nkunx kuntenta. Ma narahiex bħala uġigħ ta’ ras. Ġieli ninkwieta għax inkun impenjata ħafna ma jkolliex dak iċ-ċans li nagħmel ix-xiri tiegħi bil-kwiet.
Missieri, żgur! Hu l-aktar persuna diffiċli biex nixtrilu rigal, u ma tantx ikolli idea x’ħa nixtrilu, għax ma tantx juri xi jkun irid, u l-affarijiet materjali ma tantx jagħmlu bih. Għalih, l-aktar rigali hu meta nkunu l-familja kollha f’daqqa. Hemm ikun fil-ġenna! Il-bqija tal-familja kollha nparlaw minn qabel x’għandna bżonn u x’nixtiequ, allura ma tantx tkun diffiċli biex nixtrihom.
Kieku kellek tirċievi rigal wieħed din is-sena xi jkun u għaliex?
Ir-rigal li tant ilni nixtieq huwa ġeru żgħir għaliex l-annimali minn dejjem kienu għal qalbi, imma fl-aħħar wasal. Iżda tajjeb infakkru li l-annimali huma għas-sena kollha mhux għall-festi biss! Jien kont ili naħsibha biex inġib ġeru u jidher li fl-aħħar din il-ħolma saret reali!
Kif inhuma differenti għalik dawn il-jiem din is-sena, minħabba l-pandemija preżenti? X’inhi l-aktar ħaġa li qed timmissja li ssoltu tagħmel?
Bla dubju ta’ xejn, il-festi din is-sena huma differenti ħafna mis-soltu. Normalment ix-xiri tal-Milied jikkonsisiti minn ħafna ġiri f’diversi ħwienet differenti pero’ din is-sena evitajt dan il-ħafna ġiri. Nimmisja ħafna l-istediniet speċjalment il-festin tal-Milied mal-istudenti tiegħi u l-familji tagħhom li nagħmlu ta’ kull sena u li nkunu qegħdin nistennewh bi ħġarna. Din is-sena jkollna naqbżuh.
Meta kont żgħira kont temmen fil-karattri maġiċi li jġib miegħu l-Milied?
Le ta! Qatt m’emmint b’karattri maġici. Inħobbhom ħafna u jogħġbuni però le qatt m’emmint li jeżistu.
Hi tagħlaq billi tgħidilna, "Nixtieq minn qiegħ qalbi nagħti l-isbaħ xewqat tiegħi għal Milied ħieni lill-kulħadd, speċjalment lill-familja tiegħi, sħabi, l-istudenti u l-familji tagħhom."