Lisa Gauci hi kantanta lokali li wkoll saħħret lil kulħadd mill-bidu nett tal-vjaġġ ta' X Factor Malta. Fil-fatt Lisa kienet l-ewwel kontestanta li dehret waqt ir-room auditions nhar il-Ħadd 3 t'Ottubru 2021. X’kienet l-ewwel reazzjoni ta' Lisa kif indunat li ħa jibdew biha?
"Il-fatt li bdew bijja kienet sorpriza kbira - jien kelli niftaħ l-akbar programm segwit Malti, u ngħidilkom il- verita’ bżajt naqra, iżda fl-istess ħin kont ferħana li ma kellix għalfejn nibqa nistenna Ħadd wara Ħadd biex nara l-audition tiegħi. naħseb il- fatt li kont l-ewwel konstanta li dehert, ukoll għenet lin-nies biex jibqgħu jiftakruni."
Lisa tgħidilna li meta kienet iżgħar kienet dejjem tgħid li tixtieq tipparteċipa f'kompetizzjoni bħal X Factor Malta. "Kont nara ħafna videos ta’ X Factor ta’ barra minn Malta. Meta ġie hawn Malta, kont għadni wisq żgħira biex nidħol u l-vuċi tiegħi kienet għadha ma mmaturatx sew. Meta ħabbru it-tielet staġun ta’ X Factor Malta, ħassejt li kelli nidħol din is-sena; kont aktar kunfidenti u l-vuċi kienet soda u mmaturat."
Ritratt: Facebook/ Lisa Gauci
Tispjegalna dwar il-kambjament li seħħ fiha bħala artista. Tgħidilna li Lisa Gauci tal-lum il-ġurnata hi "ħafna aktar kunfidenti minn Lisa ta’ sena ilu." Lisa ta’ qabel l-X Factor Malta ma tħossx li kienet matura u responsabbli daqs kemm hi llum. "Naħseb li sirt aktar soċjevoli wkoll, peress illi ltqajt ma' ħafna nies ġodda li issa saru familja. Wieħed minn dawn il-persuni kien Ivan, li permezz tal-għajnuna tiegħu irnexxieli nasal sa fejn wasalt.”
Lisa tgħidilna li diffiċli tagħżel kanzunetta waħda li tikkunsidraha bħala favorita għax, "f’kull kanzunetta kien hemm xi ħaġa li laqtet lill-udjenza u lill-ġurija b’mod differenti." Kieku kellha ssemmi l-aktar diska li tħoss li tiddiskrivieha tkun Purple Rain, wara li permezz tagħha impressjonat waqt is-Six Chair Challenge u uriet min hi bħala artista. Dakinhar kellha għal qalbha d-dehra tagħha tgħidilna Lisa, fosthom l-istil ta' xagħarha bil-qagħqiet.
Lisa ssemmielna wkoll dik il-prestazzjoni li baqgħet taraha kontinwament wara li għadda kollox. "L-aktar prestazzjoni li bqajt nara u nara kienet tal-ewwel live show, meta kantajt Run ta’ Leona Lewis. Kienet l-ewwel darba li kantajt quddiem udjenza daqshekk kbira, u dawk iż-żewġ minuti li kelli fuq il-palk nibqa ngħożżhom tul ħajti kollha."
"Jien kif ukoll il-kontestanti l-oħra, flimkien mal-mentors tagħna, konna ilna minn Diċembru nippjanaw u fil-filmat tal-prestazzjoni ġejt nidher nitbissem, u naħseb dik it-tbissima turi kemm verament inkun għal qalbi meta nkun fuq il-palk."
X'inhuma l-pjanijiet ta' Lisa għall-ġejjien? "Bħallissa, apparti l-istudji li għandi ghall-O levels ta' Mejju, bdejt naħdem fuq xi diski li ħa nkun nista' noħroġ għall-pubbliku. Hi esperjenza ġdida għalija, izda qed naħdem ħafna għal din il-karriera, biex nibqa' nimxi fit-triq it-tajba għall-futur tiegħi."
Nirringrazzjaw lil Lisa tal-ħin tagħha għal din l-intervista, u nawgurawlha b'mod partikolari għall-eżamijiet li ġejjin f'Mejju! Xtaqet anke tgħaddi l-messaġġ lil dawk hemm barra li għandhom namra għall-kant u l-mużika u għadhom joqogħdu lura milli jesprimu din il-passjoni fil-beraħ.
"Qatt m’għandkom toqogħdu lura minn dak li tridu. Il-ħajja hi qasira u tajjeb li tesperimenta. Jien fallejt ħafna drabi qabel ma’ sibt din l-opportunità li wasslitni s’hawn, u għalkemm affarijiet tajbin jieħdu l- ħin biex jaslu, paċenzja u motivazzjoni għandek bżonn biex tasal. F’din l-industrija dejjem ħa ssib lil xi ħadd li se jgħinek, għaliex kulħadd kellu jibda minn x'imkien biex wasal fejn wasal. Taqtax qalbek!"
Ritratt: Facebook/ Lisa Gauci