Nemusa bl-isem ta' Aedes koreicus, speċi li hi magħrufa li tiflaħ għall-kesħa qed tinfirex b’ritmu mgħaġġel fl-Italja u jaf tasal sal-gżejjer Maltin fix-xhur li ġejjin. Fil-fatt fuq is-sit Television Malta ġie rrappurtat li l-ispeċi ntlemħet għall-ewwel darba l-Italja madwar 10 snin ilu f'Belluno fir-reġjun tal-Veneto. Dal-aħħar ir-reġjun tal-Lombardija spiċċa invażat biha.

Riċerkatur tal-pesti spjega li din in-nemusa ta’ kobor imdaqqas, partikolarment tiflaħ għall-kesħa. Huwa żied li n-nemus normalment jgħix f’postijiet sħan u huwa rari ssoltu li ssibu f'temperaturi baxxi.

It-tingiż tal-ispeċi Aedes koreicus, jekk ikun infettat, jista’ jwassal għal infezzjoni fil-moħħ magħrufa bħala Japanese encephalitis. Tista' anke tikkawża mard tal-qalb fl-annimali.

L-Aedes koreicus instabet oriġinarjament fil-Ġappun. Kienet intlemħet ukoll fil-Grigal taċ-Ċina, fil-Korea t’Isfel u f’partijiet tar-Russja. Riċentament instabet fil-Belġju, l-Italja, il-Ġermanja, l-Ungerija, fi Slovenja, l-Iżvizzera u l-Każakistan.


Kyle Zarb