Ir-raba’ edizzjoni tal-konkors kanzunetta junior intrebħet miż-żagħżugħ nathaniel attard bil-kanzunetta burdati fuq kliem ta’ emil calleja bayliss u mużika ta’ philip vella. Iltqajna ma’ nathaniel biex insiru nafuh ftit aktar u miegħu ddiskutejna l-istil mużikali li qed narawh bih dan l-aħħar. Kif ħa naraw f’din l-intervista nathaniel impenjat mhux ħażin għall-età tiegħu u dejjem ifittex esperjenzi ġodda biex ikompli jimraħ.

Nathaniel, il-kanzunetta Burdati hija l-kanzunetta rebbieħa tal-Konkors Indipendenza Junior. X’kien għaddej minn moħħok kif ġejt imħabbar bħala r-rebbieħ ta’ dan il-festival?

Qabel ma tlajna fuq il-palk, kont eċitat imma mhux gravi tant li fuq wara kont qed niżfen u nkanta ma’ sħabi l-kantanti u ż-żeffiena li kien hemm. Hekk kif wasal il-ħin, bdejna telgħin fuq il-palk u l-eċitament beda jiżdied. Kif Christine u Emma bdew iħabbru r-riżultati qalbi bdiet tħabbat sitta sitta tant li kien se jħossni ħass ħazin fuq il-palk.

Kif tħabbret il-kanzunetta tat-tieni post tal-kategorija tiegħi jien għedt li huwa impossibli li se nieħu l-ewwel post jien. Biss kif għajtuli ismi qalbi wafqet u bdejt ngħannaq lill-awtur. Ovvjament qalbi kienet għadha qed tħabbat u bl-eċitament kelli ħafna għaraq f’idejja tant li bħalma setgħu jaraw it-telespettaturi u n-nies li kienu qegħdin jarawni, it-trofew kien se jaqgħali minn idejja.

Din ma kinitx l-ewwel darba tiegħek, it-tielet darba biex inkunu eżatt. X’ħeġġek li terġa’ tapplika għalih?

Fl-opinjoni tiegħi, dan il-festival jesponi t-talenti ta’ ħafna kantanti żgħażagħ Maltin. Fatt ieħor li ħeġġiġni nagħmel dan huwa li l-kanzunetti jridu ikunu bilfors oriġinali u bil-Malti. B'hekk inżommu l-lingwa Maltija iktar ħajja. Għaldaqstant kif fetħu l-applikazzjonijiet tal-konkors tkellimt mat-tim kollu li naħdem miegħu u ddeċidejna li kellha tinkiteb kanzunetta. B’hekk inħolqot il-kanzunetta ‘Burdati’.

Allura, Nathaniel ibati minn burdati jew le? Għandha xi sinifikat partikolari f’ħajtek din il-kanzunetta?

Tista’ tgħid li iva Nathaniel ibati minnhom. Wara kollox kulħadd ikollu burdati differenti kuljum. Din il-kanzunetta għalija tfisser ħafna għax hija kanzunetta li tista’ tirrelata ma’ kulħadd kemm min hu żgħir u kemm min hu kbir. Min ma jbatix bil-burdati minn żmien għal żmien?

Rajniek ukoll b’żewġ kanzunetti fl-Għanja tal-Poplu Żagħżagħ ta’ din is-sena. Bil-kanzunetta Taparsi u bil-kanzunetta Illallu flimkien ma’ Martina Abela. X’tippreferi tkanta waħdek jew fi dwett?

Hi naqra mistoqsija diffiċli. Kieku kelli nagħżel, naħseb nagħżel li nkanta waħdi għax inħossni nista’ nesprimi ruħi ħafna aħjar. Fl-istess hin li tkanta ma’ xi ħadd hija esperjenza sabiħa ħafna għax tiltaqa’ ma’ nies differenti u titgħallem tadatta għal bżonnijiet ta’ kull persuna.

Innutajna li l-kanzunetti li tkanta, dejjem ikollhom xi messaġġ b’tema żagħżugħa li żagħżagħ oħra faċilment jirrilataw magħhom. Kemm hija importanti l-lirika f’kanzunetta għalik?

Fl-opinjoni tieghi huwa importanti li l-lirika tal-kanzunetta tkun adatta għall-età tal-kantant. Ghaldaqstant jien inħobb inkanta temi żagħżugħa li nkun nista’ nirriletta magħhom jien u nies ta’ tampari. Nieħu gost nuża l-mużika sabiex inwassal xi messaġġ jew ieħor.

L-istil li dan l-aħħar dehert bih f’kompetizzjonijiet lokali kien wieħed partikolari. Dejjem b’dak il-ħarira moviment, b’dik id-daqqa kważi tas-swing. Tħoss li dan l-istil huwa l-forti tiegħek?

Iva naħseb li dan l-istil huwa l-aktar stil li nħossni komdu nkanta fih. Kull min jafni jaf li jien ma’ tantx għandi kwiet u allura nieħu gost meta l-kanzunetta tkun waħda movimentata. Burdati għandha stil għal qalbi ħafna (bħal ħafna kanzunetti oħrajn li nkanta jien) għax hija diska tal-widna, movimentata ħafna li wieħed bla ma jrid jibda jiċċaqlaq magħha.

Hemm xi artisti interenazzjonali li verament tammira u tħares lejhom sabiex jispirawk?

Bħala kantanti barranin m’għandix persona partikolari. Joġgħobni l-istil ta’ Michael Buble kif ukoll ta’ Frank Sinatra li matul ħajjithom għamlu mużika sabiħa ħafna. Però ma’ dan kollu jien inħossni persuna versatili ħafna għaldaqstant f’kull artist kapaċi insib xi ħaġa li toġgħobni.

Dan is-sajf kellek esperjenza tkanta barra minn pajjiżna bħala mistieden speċjali ġewwa l-Italja. X’tgħidilna dwar din l-esperjenza?

Kienet esperjenza sabiħa ħafna fejn anke ilqtajt ma’ bosta kantanti bravissimi Taljani. Fuq kollox kienet esperjenza tgħallimt u anke għamilt ħbieb ma’ diversi kantanti. Kull esperjenza hija importanti u fiha titgħallem xi ħaġa jew oħra, kemm f’pajjiżna u kemm barra minn xtutna.

Nathaniel, nafu wkoll li tħobb id-dinja tat-teatru. Bħalissa tinsab fi produzzjoni verament interessanti. X’tgħidilna dwarha?

Dawn l-aħħar snin sar jinteressani ħafna t-teatru. Qed nieħu bis-serjetà ħafna l-istudji tat-teatru fejn anke tlajt Londra fuq workshops ġewwa l-West End. Ħadt sehem f’diversi produzzjonijiet lokali fosthom Sound of Music, Il-Perit, Annie u oħrajn. Bħalissa m’iniex nieħu sehem f’produzzjoni waħda iżda tlieta. Waħda ġewwa Ħal Balzan mal-Balzan Drama Group fejn se ntellgħu il-musical ‘Peprina’ (The Little Red Riding Hood) kitba ta’ Trevor Zahra.

Hemm oħra li se ntellgħu ġewwa l-Istitut Kattoliku li ġġib l-isem ta’ ‘Il-Presepju tan-Nannu’ kitba ta’ David Muscat li se tittella’ mad-Dar tal-Providenza Siġġiewi fejn matul ix-xow se jkunu qegħdin jieħdu sehem magħna r-residenti ta’ din id-dar. Fl-aħħar u mhux l-inqas inħossni eċitat ukoll għal produzzjoni li se tittella’ fil-bidu tas-sena d-dieħla li ġġib l-isem ta’ ‘The Addams Family’. Din ser tittella’ minn DLS Production ġewwa l-MCC il-Belt Valletta.

Għad għandek biss 14-il sena. X’għandna nistennew minn Nathaniel Attard fil-ġejjien?

Jiena f’ħajti għandi tlett ispirazzjonijiet. L-ewwel u qabel kollox li nkompli l-istudji tiegħi. It-tieni li iktar, il quddiem noħroġ album mużikali tiegħi. U fl-aħħar u mhux l-inqas li nieħu sehem f’xi produzzjoni teatrali internazzjonali.

Finalment jien nixtieq nirringrazzja lilkom tas-sapport kontinwu li dejjem tajtuni, kif ukoll għal dan l-ispazju fir-rivista Il-Gwida.


Anthony Baldacchino