Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) organizzat Konferenza sabiex tiddiskuti r-riżultati tar-riċerka tagħha bl-isem: “Il-Perċezzjonijiet u l-Attitudnijiet tan-Nisa u l-Irġiel f’Malta dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, iffokata l-aktar fuq id-daqs tal-familja”. Dan l-istudju huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest li Malta għandha l-inqas rata ta' fertilità fl-UE.
L-għanijiet tal-Konferenza kienu li niddiskutu kif in-nisa u l-irġiel jistgħu jilħqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja fil-familja, speċjalment fil-kura u r-responsabbiltajiet tal-familja, li jgħinu lill-ġenituri ikollhom aktar tfal u, b’hekk, itejbu r-rata tal-fertilità.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, l-Onor. s-Sa Rebecca Buttigieg, tkellmet dwar l-isforzi attwali tal-Gvern biex isostni lill-familji permezz ta’ inizjattivi bħal childcare b’a ħlas, il-breakfast club u l-Klabb 3-16, li jippermettu bilanċ aħjar bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja. L-Onor. Buttigieg qalet li l-Gvern saħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja fil-qasam tas-servizz pubbliku billi introduċa prattiki moderni tax-xogħol, u tlett ijiem imħallsa ta’ carers’ leave minn din is-sena. L-Onor. Buttigieg tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-appoġġ finanzjarju bħala fattur ewlieni li jinfluwenza l-ippjanar tal-familja, billi rreferiet għal miżuri bħal ħlasijiet addizzjonali lil familji bi dħul baxx jew medju, kif ukoll żieda fir-rati tal-bonus biex jappoġġjaw lil familji li għandhom jew jadottaw wild.
Fid-diskors tagħha l-Onor. Graziella Attard Previ, Shadow Minister għall-Ugwaljanza, Libertajiet Ċivili u Drittijiet tat-Tfal, sostniet li l-miżuri dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma investiment fil-familji moderni Maltin, u għodda importanti biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna kif ukoll sabiex tiġi indirizzata r-rata baxxa ta’ twelid. Hija fakkret fil-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista għal-LN 201/2022 f’Ottubru tal-2022, biex il-miżuri tal-paternity leave, parental leave u l-carers leave ikunu iktar ġeneruzi u inklussivi, u spjegat ukoll kif il-Partit Nazzjonalista għadu u jibqa’ kommess li dawn il-miżuri, u oħrajn jitjiebu.
Il-Kummissarju tal-NCPE s-Sa Renee Laiviera tkellmet dwar it-tnaqqis allarmanti fir-rata tal-fertilità f’Malta. Minkejja l-miżuri eżistenti biex jgħinu lill-ġenituri jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, l-inugwaljanzi jippersistu, bin-nisa jerfgħu b’mod sproporzjonat ir-responsabbiltajiet tad-dar u l-kura tat-tfal, li jaffettwaw il-progressjoni tal-karriera tagħhom, is-salarji, u d-deċiżjonijiet dwar id-daqs tal-familja. Is-Sa Laiviera saħqet dwar il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ l-indipendenza ekonomika tal-familji, filwaqt li tħeġġeġ ukoll aktar irġiel biex jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-familja. Is-Sa Laiviera enfasizzat l-importanza li jsir użu ugwali bejn in-nisa u l-irġiel ta’ miżuri favur il-familja biek ikun hemm rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja fil-familja, u kif it-tisħiħ tal-ugwaljnza fil-post tax-xogħol iwassal għall-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, li tirriżulta fi tkabbir ekonomiku u żieda fil-produttività u fil-kompettività.
Il-Prof. Anna Borg miċ-Ċentru dwar l-Istudji tax-Xogħol fl-Università ta’ Malta ppreżentat ir-riżultati tar-riċerka komprensiva kkummissjonata mill-NCPE dwar l-isfidi urġenti tar-rati baxxi ta’ fertilità u l-kunflitti bejn ix-xogħol u l-familja f’Malta. Ir-riċerka, li saret flimkien mal-Prof. Liberato Camilleri, turi kif il-kunflitt persistenti bejn ix-xogħol u l-familja jkompli jaffettwa l-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet dwar jekk jkollokx tfal. Ir-riżultati juru li, minkejja r-rati għolja ta’ impjieg taż-żewġ ġeneri, għad hemm differenzi sinifikanti dwar kif l-iżbilanċ bejn ix-xogħol u l-familja jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel, bl-ommijiet ibatu b’mod sproporzjonat, u dan jaffettwa l-intenzjonijiet tagħhom dwar il-fertilità. Dawn ir-riżultati jipprovdu bażi kritika għall-politiċi, għal min iħaddem, u l-partijiet ikkonċernati biex joħolqu politiki ħolistiċi u favur il-familja li jibbilanċjaw il-ħajja professjonali u personali, b’benefiċċju għall-familji kif ukoll għas-soċjetà Maltija inġenerali.
Il-Prof. Godfrey Baldacchino mid-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta analizza l-implikazzjonijiet ekonomiċi ta’ dawn il-kwistjonijiet. Huwa spjega li t-terminu ‘ekonomija’ jiġbor fih id-deċiżjonijiet u l-għażliet ta’ ħafna nies: ħaddiema, investituri, azzjonisti, aġenti, sensara, xerrejja, bejjiegħa. Huwa identifika erba’ fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għar-rata baxxa ta’ fertilità f’Malta: il-kwalità ta’ ħajja mixtieqa, il-livell ta’ konsum meqjus bħala sodisfaċenti, id-dominanza tax-xogħol bħala attribut kulturali, u l-kisba u ż-żamma ta’ karriera.
Panel ta’ stakeholders, immexxi mill-ġurnalist tal-PBS is-Sur Glen Falzon, iddiskuta r- rikonċiljazzjoni bejn ir-responsabbiltajiet tal-familja u x-xogħol fil-kuntest tar-rata tal-fertilità, billi analizza s-sitwazzjoni attwali, l-isfidi, u t-triq ’il quddiem minn perspettivi ekonomiċi u soċjoloġiċi.
Numru ta’ workshops taw opportunità lill-parteċipanti biex jiddiskutu fid-dettall dwar kif nistgħu nkomplu ntejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-familji.
Bħalma sar fis-snin ta’ qabel, l-NCPE se tevalwa l-punti li tqajmu matul il-Konferenza u tikkunsidrahom fix-xogħol tagħha meta jkun possibbli.