Jiftaħ il-Eurovision Song Contest 2022 bi spettaklu tal-ġenn, mimli żfin, viżwali fenomenali, pirotekniċi u dwal, u kant. Spettaklu mistħoqq biex għal sena oħra jingħata bidu għall-Eurovision Song Contest. 

Din is-sena Turin qed jilqgħu l-Eurovision, u llejla 17-il pajjiż se jkunu qed jissieltu biex jirbħu post fil-finali tas-Sibt. Il-preżentaturi Mika, Laura Pausini u Alessandro Cattelan.

Illejla ser jieħdu sehem:

  1. L-Albanija
  2. Il-Latvja
  3. Il-Litwanja
  4. L-Isvizzera
  5. Is-Slovenja
  6. L-Ukrajna
  7. Il-Bulgarija
  8. L-Olanda
  9. Il-Moldova
  10. Il-Portugall
  11. Il-Kroazja
  12. Id-Danimarka
  13. L-Awstrija
  14. L-Islanda
  15. Il-Greċja
  16. In-Norveġja
  17. L-Armenja

Il-mistiedna speċjali mistennija li jkunu Diodato li kellu jirrappreżenta lill-Italja fis-sena 2020 iżda minħabba l-Covid-19 spiċċa qatt ma mar għall-Eurovision u Dardust li dan l-aħħar snin kiseb popolarità enormi fil-pajjiż.

Ronelja mill-Albanija fetħet l-ispettaklu tal-lejla bil-kbir! Mimlija enerġija u kariżma flimkien maż-żeffiena tatna prestazzjoni mżewwqa bl-elementi tradizzjonali Albaniżi. Il-kanzunetta jisimha Sekret, u nistgħu ngħidu li t-timbru tal-vuċi tal-kantanta ħareġ b'mod tajjeb llejla.

Il-Latvja jitilgħu fuq l-istejġ mimlijin entużjażmu! Nistgħu ngħidu li komplew b'aktar enerġija llejla bil-kanzunetta Eat Your Veggies. Il-grupp Citi Zeni użaw il-palk kollu u taw prestazzjoni li faqgħet sala. Il-Latvja ma kinitx imbassra li tgħaddi għall-finali, iżda prestazzjoni allegruża bħal tal-lejla kapaċi tibdel l-ispekulazzjonijiet kollha.

Monika Liu għal-Litwanija ħolqot sentiment partikolari kemm bil-vuċi passjonali tagħha kif ukoll bl-istil tal-kanzunetta tagħha Sentimentai. Ippreżentat ruħha b'dehra eleganit għall-aħħar, u l-atmosfera fuq il-palk bid-dwal u l-viżwali li għażel il-kontinġent Litwaniż, ikkumplimenta l-prestazzjoni ta' Monika.

Marius Bear jagħti prestazzjoni mimlija emozzjoni tal-kanzunetta Boys Do Cry għall-Isvizzera. Il-vuċi hi xhieda tal-messaġġ onest tal-kantant hekk kif jinterpretaha b'passjoni kbira. L-atmosfera fuq il-palk hi serena li tmur perfettament mal-kanzunetta.

L-Islovenja bagħtu kanzunetta bi stil li llejla qajjem is-sala wkoll, u l-grupp LPS Band taw interpretazzjoni enerġetika wkoll. Il-palk kien imżewwaq b'dwal u anke props li qablu perfettament mal-kanzunetta. Il-kantant ta' LPS Band hu fost l-iżgħar kantanti fis-serata tal-lejla.

L-Ukrajna huma fost il-favoriti din is-sena! Nistgħu ngħidu li llejla Kalush Orchestra taw konferma ta' dan bil-prestazzjoni onesta u passjonali tal-kanzunetta Stefania. Fil-fatt il-kanzunetta hi indirizzata lill-figura tal-omm. Il-grupp Ukren jirringrazzja lill-Ewropa tal-appoġġ u imħabba li qed juri lejn in-nazzjon f'dan il-mument diffiċli. L-elementi tradizzjonali fl-istil jispikkaw għal darb'oħra fil-kanzunetta Stefania.

L-istil rock jibda jispikka fil-kompetizzjoni ta' din is-sena, hekk kif il-prestazzjoni ta' Intelligent Music Project faqgħet sala llejla! Il-band interpretaw il-kanzunetta Intention, ħolqu atmosfera stupenda b'viżwali mill-isbaħ u enerġija mill-bidu sal-aħħar. Tgħid l-istil rock iġib risq lill-Bulgarija?

Kanzunetta bi stil iżjed kalm u emozzjonali għall-Olanda, De Diepte, interpretata minn S10. Dan hu pajjiż ieħor li kontinwament qed jiġi meqjus wieħed mill-favoriti ta' din is-sena. Illejla S10 tatna prestazzjoni mimlija passjoni u emozzjoni, u l-melodija hi waħda li faċilment tidhra u kważi tkanta magħha. 

Moldova jerġgħu jibagħtu lil Zdob Zi Zdub għar-raba' darba! Għal darb'oħra irnexxielhom iqajjmu sala bil-prestazzjoni tagħhom u l-udjenza rreaġixxiet b'mod tajjeb ħafna għall-kariżma li għandu l-kantant ewlieni flimkien mal-grupp tiegħu. Il-kummenti fuq il-midja soċjali ġa qed juru li l-istil allegruż tagħhom laqat lit-telespettaturi. 

Għall-Portugal il-grupp Maro tawna prestazzjoni mimlija armoniji mill-isbaħ tal-kanzunetta Saudade. Il-prestazzjoni kienet sempliċi għall-aħħar, iżda hemm ċans li llejla daħlu fil-qlub ta' ħafna.

Pajjiż ieħor li kien qed jiġi mpoġġi lejn l-aħħar tal-klassifiki, u meqjus bħala l-inqas favorit li jagħmel suċċess. Madankollu Mia mill-Kroazja tat prestazzjoni ħelwa u onesta b'vuċi mill-isbaħ. Iż-żeffien u l-viżwali fuq il-palk għenu biex jagħtu prestazzjoni li ma tintesiex.

Id-Danimarka llejla tawna spettaklu ta' stil li żgur se jinżel tajjeb ma' ħafna! L-atmosfera fis-sala kienet fenomenali għall-kanzunetta The Show interpretata minn REDDI. Il-mużika, il-vuċi u l-viżwali tagħhom żgur li se jagħtihom ċans tajjeb li jgħaddu għas-serata finali tas-Sibt!

Austria! Briju, allegrija u enerġija li żgur mhux se tintesa llejla! Pia flimkien mad-DJ Lumix tawna prestazzjoni mżewwqa b'viżwali brillanti u palk ta' vera. L-udjenza ħadet gost b'din il-prestazzjoni u jidher li ddevertew bil-kbir magħhom! Il-kanzunetta HALO kapaċi tkun waħda minn dawk li jibqgħu jissemmew anke wara l-festival.

L-Islanda tawna armoniji mill-isbaħ, u mingħajr ħafna xinxilli u dwal żejjed, wasslu l-emozzjoni tagħhom b'din il-prestazzjoni. Il-grupp Systur kantaw il-kanzunetta Ain’t Got Nobody, u għal darb'oħra l-pajjiż semma l-lingwa Islandika.

Greċja ilha mill-bidu nett waħda fost il-favoriti u llejla Amanda tat prestazzjoni memorabbli, bi sfond u palk mżewwaq b'mod sempliċi iżda effettiv. Il-vuċi b'laqta' moderna ta' Amanda żgur li ser tibqa' mfakkra. 

Give That Wolf A Banana qallek! In-Norveġja din is-sena minnufih qanqal interess, għax malli tisma' t-tilu, u d-dehra tal-grupp, mall-ewwel tinnota xi ħaġa stramba. Nistgħu ngħidu li Subwoolver tawna spettaklu grandjuż, li ċertament mhux ser jintesa. Nistgħu ngħidu li lin-Norveġja hemm probabilta kbira li narawha fil-finali!

Tagħlaq is-serata Rosalinn għall-Armenja bil-kanzunetta Snap. Prestazzjoni onesta, u li żgur qanqlet interess kbir. Filli qed naraw lill-kantanta tkanta b'qisu ħajt mimli karti warajha, u li bdiet tneħħi minnhom mal-ħin, u filli ħarġet tkanta minn ġo ċirku, wiċċha lejn l-udjenza. Spettaklu li żgur se jżid iċ-ċansijiet tal-Armenja li jgħaddu għall-finali! Il-vuċi ta' Rosalinn ma fihiex xi tmaqdar lanqas.

Issa smajna l-kanzunetti kollha u tibda l-votazzjoni. Malta ma tistax tivvota llum, peress li mhux qed tieħu sehem fis-semifinali. 

Il-preżentaturi jagħtu bidu għal minuti ta' briju u divertiment b'mużika li ħafna diġa familjari magħha.


Kyle Zarb