Mhux xi ħaġa ta’ spiss li jkollna musical internazzjonali jittella’ f’pajjiżna, iżda fix-xhur li ġejjin Sweeney Todd – The Demon Barber on Fleet Street ħa jkun qed jittella’ f’Malta. Din hi aħbar mill-isbaħ għal dawk kollha li jħobbu l-musicals. Min jaf kemm-il darba dak li jkun siefer biex jara produzzjonijiet barra minn xtutna ta’ dan it-tip.

Din hi sfida ġdida għat-Teatru Manoel li ħa jkun qed jipproduċi l-ewwel musical tiegħu imma l-produzzjonijiet li ttellgħu minn dan it-teatru żgur li saħħru eluf ta’ persuni li attendew l-ispettakli. Din id-darba jmiss l-ewwel musical li t-tim iddeċieda li jkun il-musical ta’ Stephen Sondheim.

Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel is-Sur Massimo Zammit qal, “Wara għeluq ta’ sitt xhur minħabba l-pandemija u x-xogħlijiet kontinwi ta’ restawr u kostruzzjoni, aħna ħerqana li nilqgħu lura l-udjenzi u nirritornaw it-Teatru lin-nies. Il-musicals huma maħbuba sew lokalment, u aħna nħossu li Sweeney Todd se joffri sfida kemm għall-artisti kif ukoll għall-mużiċisti, u joffri serata divertenti ħafna lill-patruni tagħna. "

Musical ambjentat f’Londra dwar barbier li jrid vendetta mill-imħallef li akkużah għalxejn b’xejn. Biex itella’ produzzjoni bħal din żgur mhux faċli, dan għaliex jirrikjedi sett kumpless, kostumi li jmorru lura għas-seklu 19, 27 mużiċist u 20 artist fuq il-palk. It-teatru ħa jkun qed jaħdem mad-direttriċi Lucienne Camilleri u d-direttur mużikali Ryan Paul Abela.

Ovvjament il-kast tal-musical huwa kollox! Infatti Teatru Manoel qed ifittex l-aqwa talent f’pajjiżna biex ittella’ din il-produzzjoni. Huma qed jagħmlu sejħa għal Sweeney Todd, Mrs Lovett u karattri oħra.

Dawk interessanti jistgħu jittantaw xortihom fid-9 u 10 t’Ottubru. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit ta’ Manoel Theatre billi jidħol HAWN jew jibgħat email fuq [email protected].

Facebook / Teatru Manoel


Emil Calleja Bayliss